Friday, July 19, 2024

L-ARTI U S-SUSSIDJU

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Ta’ min jerġa’ jgħidha. L-arti dejjem kellha bżonn tas-sussidji biex tiffjorixxi. Matul is-sekli, is-sussidji waslulha taħt diversi forom, minn Knisja, aristokrazija, borgeżija – kollha lesti joħorġu l-flus tajba biex jipposjedu opri tal-arti tal-akbar preġju, l-aktar għall-gost u għax ipprovdewlhom prestiġju soċjali. Fl-aħħar żminijiet indaħal ukoll l-istat (demokratiku jew totalitarju) li pprovda sostenn għall-arti.

Biss, waqt li s-sussidji huma meħtieġa, ikun żball jekk illum, il-ħidma artistika tispiċċa dipendenti għal kollox fuqhom. Irid ikun hemm bażi popolari ta’ interess u impenn għall-prodotti ta’ kwalunkwe arti… ta’ suq, biex inkunu ċari. Irid ikun hemm biżżejjed nies li jinteressaw ruħhom fil-produzzjoni artistika (mingħajr ma huma jkunu artisti) biex joħolqu talba qawwija għal din il-produzzjoni, kif ukoll polemika u diskussjoni dejjem mil-lat artistiku dwar xi tkun qed jitwettaq. Din il-popolarità tikkontribwixxi biex il-ħidma artistika titjieb u tiġġenera aktar interess. Mingħajrha, minkejja s-sussidji, kollox jibqa’ ċass u dgħajjef, elitista.

IL-PROĊESSI ĠUDIZJARJI

Diffiċli biex tifhem, jekk ma jkollokx għeruq legali, kif jitkejjel il-pass u kif jinżamm ir-ritmu tal-proċessi ġudizjarji. Personalment inħossni perpless kif ikun hemm każi ta’ ċerta importanza li donnhom jibqgħu fil-limbu. Jgħaddu x-xhur u s-snin, u meta nisimgħu dwarhom, ikun biex jgħidulna li l-proċeduri għadhom qed jitmexxew.

Imbagħad każi oħra, tal-istess importanza, donnhom jittellqu ’l quddiem b’għaġla kbira u xorta fir-rispett sħiħ ta’ kif il-proċeduri huma mistennija jiżvolġu.

X’inhu li jwassal biex każ wieħed javvanza waqt li ieħor jibqa’ mdendel? Dwar dan, nemmen li hu fl-interess ta’ kulħadd li tingħata aktar informazzjoni. Milli jidher, hemm wisq labirinti fil-proċessi ġudizjarji biex iċ-ċittadini jistgħu jkunu żguri li tassew il-ġustizzja tista’ tagħti riżultati tajba.

MALTA ĦANINA

Għaddew is-snin u s-sejħa ta’ Malta ħanina – ta’ pajjiż li lest joffri l-wens lil min fostu u barra minnu jeħtieġ appoġġ u għajnuna – baqgħet titwemmen. Il-Maltin tal-lum jemmnu li għadhom isegwu s-sejħa għax meta minn fuq il-mezzi tax-xandir jintalbu jagħmlu l-kontribuzzjonijiet tagħhom biex jgħinu lil din jew dik il-kważa, jikkonkorru bil-kbir.

Imma dan biżżejjed biex jiġġustifika l-fama ta’ “ħanina”? Għax min-naħa l-oħra, t-trattament li nirriżervaw lill-barranin fostna – speċjalment jekk għandhom ġilda ftit aktar skura minn tagħna, jew qed jaħdmu f’setturi li l-Maltin jippreferu jiskansaw – xejn mhu sabiħ. Nistmawhom ħażin, inħallsuhom ħażin, irriduhom jitilqu llum qabel għada (għalkemm min se jagħmel ix-xogħol “tagħhom” tibqa’ mistoqsija li għaliha ma tingħata l-ebda tweġiba).

Hemm bżonn li nistħarrġu kemm tassew jistħoqqilna t-titlu ta’ Malta ħanina, jew fil-fatt jekk għadux jinteressana, jekk qatt kien!

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport