Sunday, December 22, 2024

L-ARUC ħarġet 7 liċenzji lil assoċjazzjonijiet tal-kannabis… tlieta minnhom diġà qed joperaw

- Il-liġi bl-ebda mod mhi qed tinċentiva persuni jużaw il-kannabis għall-ewwel darba

Aqra wkoll

L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC) sa issa ħarġet 7 liċenzji lil Cannabis Harm Reduction Associations, bi tlieta minnhom diġà qed joperaw b’250 membru f’kull assoċjazzjoni. 

Dan tħabbar fi briefing li sar lill-ġurnalisti fejn ingħata aktar informazzjoni dwar il-liġi għall-użu responsabbli tal-kannabis u l-irwol li għandha l-ARUC fl-ambitu ta’ din l-istess liġi. 

Fl-istess briefing tħabbar li minn għada, l-ARUC se tkun qiegħda tniedi kampanja edukattiva fuq diversi pjattaformi sabiex il-pubbliku jingħata aktar informazzjoni dwar l-aspetti ewlenin ta’ din ir-riforma, l-iskopijiet tagħha u x’inhu legali u x’mhuwiex.

L-iskop tal-liġi mhuwiex li tinkoraġġixi l-użu tal-kannabis, iżda li tipprovdi qafas regolat għal min juża l-kannabis biex jagħmel dan bl-inqas riskju possibbli għas-saħħa tiegħu stess. 

Fil-kummenti tagħha, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg nnotat kif l-ARUC flimkien mal-Aġenzija Sedqa għaddejjin b’kampanji kontinwi ta’ informazzjoni f’livelli differenti sabiex jilħqu udjenzi differenti.

“Filwaqt li Sedqa qed tiffoka fuq kampanji ta’ prevenzjoni, l-ARUC baqgħet taħdem ma’ assoċjazzjonijiet liċenzjati biex mhux biss jedukaw lill-membri tagħhom dwar il-konsegwenzi u l-effetti tal-kannabis iżda wkoll dwar fejn jistgħu jsibu l-għajnuna jekk ikun hemm dan il-bżonn,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg. “Konvinta li mil-lat ta’ infurzar u regolamentazzjoni mill-ARUC, il-liġi qiegħda titħaddem b’mod professjonali ħafna biex ukoll dawk il-persuni li għamlu għażla personali jpejpu issa se jkollhom aċċess sigur sabiex jagħmlu dan.”

Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg żiedet tgħid li fil-jiem li għaddew hija tkellmet ma’ uffiċjali ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet u rat kif il-membri reġistrati tagħhom huma lkoll persuni li ilhom is-snin jużaw il-kannabis u li sal-lum għadu ma jirriżultax li l-membri tagħhom bdew jużaw il-kannabis proprju issa.

“Għaliex qed ngħid dan? Waħda mill-miżinformazzjoni li jkollna hi li minħabba li din il-liġi f’daqqa waħda qed ninċentivaw persuni biex jibdew ipejpu l-kannabis. In-numri sa issa qed juru kompletament l-oppost, kif dak li dejjem sħaqna. Li aħna xtaqna nagħtu aċċess sigur lil dawn il-persuni,” hija żiedet tgħid. “Għalhekk il-liġi u dawn il-kampanji għandhom għan wieħed – li huwa l-harm reduction – kunċett aċċettat b’mod universali.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq li l-għan wara din ir-riforma mhuwiex li tinkoraġixxi l-użu tas-sustanza iżda li tara li s-suq ikun wieħed regolat. Tenna jgħid: “ejja nikkoperaw bħalma jikkoperaw min jagħti servizz f’dan il-qasam. Fuq kollox ma naqbdux u niġġudikaw. Irridu nkunu hemm biex fl-aħħar mill-aħħar ngħinu.”

X’tgħid il-liġi għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis

  • Huwa pprojbit li tpejjep il-kannabis f’postijiet pubbliċi jew aċċessibbli għall-pubbliku u f’postijiet privati fil-preżenza ta’ tfal u minuri. 
  • Tista’ tkabbar biss sa 4 pjanti kannabis għall-użu personali fir-residenza tiegħek f’post li mhux aċċessibbli u viżibbli minn terzi u/jew mit-triq. It-traffikar tal-kannabis huwa reat kriminali serju li fuqu hemm pieni ta’ priġunerija, inkluż għomor il-ħabs.
  • Il-kannabis ma tista’ tinkiseb minn imkien u mingħand ħadd sakemm ma tkunx isseħibt f’waħda mill-assoċjazzjonijiet liċenzjati mill-ARUC u magħrufin bħala Cannabis Harm Reduction Associations. Biex tissieħeb irid ikollok ‘il fuq minn 18-il sena u tkun bilfors residenti f’Malta. Għalkemm tkun imsieħeb f’assoċjazzjoni, xorta waħda l-aċċess hu rreġistrat u hemm ammont limitat ta’ kannabis li tista’ tinkiseb. 
  • Persuni adulti li huma residenti f’Malta biss jistgħu jkunu membri fil-Harm Reduction Association li huma regolati mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis.
  • Il-liġi li tirregola l-Użu Responsabbli tal-Kannabis, tagħmilha ċara li kull persuna ma tistax tkun irreġistrata f’aktar minn assoċjazzjoni waħda. 
  • L-assoċjazzjonijiet ma jistgħu jagħmlu ebda pubbliċità għall-attività tagħhom u jridu jsegwu diversi regoli fl-istadju tal-kultivazzjoni u t-tqassim tal-kannabis wara li din tkun ġiet ittestjata.
  • Filwaqt li l-Assoċjazzjonijiet liċenzjati jistgħu jfornu sa seba’ grammi ta’ kannabis kuljum, ma jistgħux ifornu iżjed minn ħamsin gramma ta’ kannabis fix-xahar lil kull membru. 
  • Kull pakkett jew kontenitur tal-kannabis fornuta minn dawn l-assoċjazzjonijiet għandu informazzjoni għall-utenti fosthom li t-tipjip tal-kannabis jagħmel ħsara lis-saħħa, li ma tistax tużaha jekk se ssuq u waqt it-tqala. 
  • Informazzjoni oħra fuq il-kontenitur jew pakkett għall-utenti hija l-kuntatt fejn jistgħu jfittxu l-għajnuna jekk jixtiequ li jieqfu jużaw il-kannabis.
  • L-iskop ta’ din ir-riforma jibqa’ li jbiegħed kemm jista’ jkun lil min diġà qiegħed jikkonsma l-kannabis mis-suq illegali tad-drogi minħabba l-perikli kbar għas-saħħa li dan iġib miegħu fosthom b’kannabis sintetika u kkontaminata li titmexxa miċ-ċrieki tal-kriminalità organizzata.
Ekonomija

Sport