Monday, April 29, 2024

“Il-Qorti tal-Familja trid tkabbar il-kompetenzi u r-riżorsi tagħha sabiex taġġorna maż-żminijiet”

- It-tieni parti tal-intervista mal-Avukat Lynn Chircop Faure

Aqra wkoll

Tkellimna mal-Avukat Lynn Chircop Faure dwar x’tip ta’ protezzjoni effettiva tkun meħtieġa mill-istituzzjonijiet li huma imwaqqfa sabiex jieħdu azzjoni immedjata biex jiżguraw l-ħarsien u l-interessi tat-tfal?

Mill-mod ta’ kif qed jitkissru l-familji u mill-esperjenzi ta’ tfal li jikbru mingħajr ma jkollhom kuntatt mal-familjari diretti tagħhom, jidher li hemm bżonn ta’ miżuri legali sabiex jissaħħu s-sistemi kemm ta’ monitoraġġ kif ukoll tal-infurzar tad-dritt tat-tfal li jgawdu liż-żewġ ġenituri kif ukoll il-membri tal-familja, bħal nanniet u ħuthom, irrispettivament minn l-istat tar-relazzjoni tal-ġenituri vis-a-vis xulxin u jekk għandhomx tfal jew relazzjonijiet ma’ persuni oħra.

Naturalment, dan sakemm ma jkunx hemm raġuni valida u dikjarata minn xi istituzzjoni istitwita għal-protezzjoni tat-tfal, li bil-liġi għandha l-jedd li tagħmel assessjar u tiddikjara ir-raġuni għaliex it-tnejn jew wieħed mill-ġenituri, nannu, nanna jew saħansitra l-aħwa mhux meqjusin tajbin sabiex ikollhom kuntatt liberu, dirett u regolari mal-minuri in kwistjoni.

Għandu jkun hemm infurzar tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri b’mod konkret? 

Meta t-tfal jikbru f’ambjent li ġenitur minnhom jitħalla jonqoshom mir-rispett, l-istat ser jiffaċċja sitwazzjonijiet fejn aktar tard ser ikollu jintervjeni għal xi raġuni jew oħra. L-effetti ta’ dawk in-nuqqasijiet matul it-trobbija jimmanifestaw ruħhom f’deċiżjonijiet jew stil ta’ ħajja li tista’ tikkaġuna ħsara kemm lilhom kif ukoll lil oħrajn li jiġu f’kuntatt magħhom matul ħajjithom.

Għalhekk bħala mezz ta’ prevenzjoni, għandha tkun ir-regola u mhux l-eċċezzjoni li l-ġenituri jitħarrġu formalment dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom u jikkommettu ruħhom li f’każ ta’ diżgwid, jikkooperaw fuq il-kwistjonijiet li jirrigwardaw id-drittijiet tat-tfal u l-ħarsien għal-protezzjoni tagħhom.

Għaliex huwa importanti li jiġi assigurat id-dritt tal-ulied li jgawdu liż-żewġ ġenituri indaqs u li dan ma jintilifx sempliċiment minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-ġenituri?

Is-sitwazzjonijiet li jwasslu għal nuqqas ta’ saħħa mentali mhux dejjem ikunu bbażati fuq mard ġenetiku iżda jista’ jkun ikkawżat minn sitwazzjonijiet li ħallew impatt psikoloġiku fil-ħajja tal-bniedem.

It-tfal għalkemm ta’ etajiet żgħar jkunu jidhru li huma reżiljenti, ma jfissirx li ma jkunux ġew affettwati mill-istil ta’ ħajja li bħala adulti nkunu ddeċidejna għalihom. Jista’ jkun il-każ li f’xi żmien jew ieħor, aktar tard f’ħajjithom, jiltaqgħu mal-istess sfidi u ma jkollhomx il-mezzi sabiex jevitaw li ssir ħsara lilhom jew lil tfal dipendenti fuqhom.

It-tfal li jitrabbew ‘l bogħod minn wieħed mill-ġenituri a kawża ta’ pika bejn il-ġenituri jew familjari oħra, jaf ikun tard wisq meta jsiru jafu l-verità u jaqaw vittma ta’ ċiklu vizzjuż. Hija ħasra meta jintużaw bħala ballun, speċjalment meta iż-żewġ ġenituri ikunu setgħu jikkooperaw sabiex tinbena relazzjoni magħhom it-tnejn u meta jindunaw li żbaljaw ikun tard wisq.

Taħseb li hemm bżonn ta’ riforma fil-Qrati tal-Familja?

Filwaqt li l-qrati ma jistgħux jserrħu fuq il-preżunzjoni li għax il-ġenituri għandhom il-kustodja qed jieħdu deċiżjonijiet verament fl-aħjar interess tat-tfal, tirrikonoxxi li la darba jkunu qegħdin l-Qorti, huwa sinjal ċar li għandhom bżonn l-għajnuna. Għalhekk l-Qorti tal-Familja trid tkabbar il-kompetenzi u r-riżorsi tagħha sabiex taġġorna maż-żminijiet u l-bżonnijiet immedjati tat-tfal tal-partijiet fil-kawża. Filwaqt li l-esperti tal-Qorti regolarment jirrakkomandaw li l-ġenituri għandhom jissottomettu għal-taħriġ li jwassalhom biex itaffu mill-pika u jitgħallmu jikkomunikaw fuq il-bżonnijiet ta’ uliedhom, għal xi raġuni jew oħra dawn jibqgħu rakkomandazzjonijiet u mhux ir-regola ġenerali. B’hekk jkun hemm kawżi li jkun għadda ż-żmien prezzjuż sakemm l-Qorti jkollha quddiema l-provi kollha u tinduna li ma kienx hemm lok għalfejn ġenitur minnhom ingħata ċ-ċans li jkollu sehem fit-trobbija ta’ uliedu aktar mill-ieħor.

Il-kampanji u l-għarfien dwar id-drittijiet tat-tfal huma biżżejjed?

Sabiex jiġi fis-seħħ l-obbligu tal-Istat li jiżgura li d-dritt ta’ dawn it-tfal jiġi protett, mingħajr l-ebda diskriminazzjoni, jeħtieġ li marbuta mal-kampanji informattivi dwar id-drittijiet tat-tfal, jkun hemm tisħiħ tal-liġijiet li jipproteġu l-interessi tat-tfal kollha f’każijiet ta’ parental alienation li tista’ timmanifesta ruħha aktar meta l-ġenituri ma jkunux qed jgħixu flimkien.

Għalkemm ikun hemm ġenituri li jagħżlu li ma jidħlux il-Qorti, u jinfirdu miż-żwieġ bonarjament, xorta waħda m’għandniex sistemi li jassiguraw li t-tfal mhux ser jaqaw vittmi ta’ firda minn ma ġenitur jew abbandun minn xi ġenitur li mhux ġustifikat.

Kif jissarraf dan id-dritt tat-tfal għal-ħin indaqs u kuntatt dirett maż-żewġ ġenituri fil-prattika?

Huwa mistenni li d-diskrezzjoni tal-qorti tal-familja li ċċaħħad wild minn kuntatt indaqs maż-żewġ ġenituri tintuża biss f’każijiet meta jiġi ppruvat mill-awtoritajiet kompetenti li ma jkunx fl-aħjar interess tat-tifel jew tifla li l-ġenituri jkollhom kustodja konġunta, li l-liġi diġà tipprovdi għaliha. Id-dritt tat-tfal għal trobbija kondiviża li tissarraf f’ħin ugwali maż-żewġ ġenituri għandu jiġu nfurzat ex officio mill-awtoritajiet kompetenti għal-Ħarsien u Protezzjoni tat-tfal f’każijiet li l-ġenituri jkunu qed jgħixu separati.

Hija realtà li r-relazzjonijiet tat-tfal mal-ġenituri jħallu impatt fuq ir-rabta li kellhom jew li għadhom iridu jiżviluppaw man-nanniet tagħhom, ħuthom iżgħar jew ikbar, u qraba oħra.

Din il-petizzjoni immirata sabiex jiġu applikati prinċipji legali bħal dak tal-ugwaljanza u proporzjonali mad-dritt tat-tgawdija tal-familja tat-tfal, speċjalment waqt li l-ġenituri tagħhom mhux jgħixu flimkien.

L-eżerċizzju effettiv tad-dritt tat-tfal li jgawdu l-ħajja tal-familja, mingħajr ebda indħil, fil-prattika tfisser li n-nanniet u neputijiet ma jitħallewx jiġu affettwati mid-dritt tagħhom li jkomplu jiżviluppaw ir-relazzjoni familjari tagħhom.

Nemmen li l-ġenituri għandhom ikunu kostretti legalment li japplikaw il-prinċipji legali marbuta mar-responsabbiltà’ tagħhom li jħarsu d-dritt ta’ uliedhom li jgawdu l-familja. Fin-nuqqas ta’ dan, jiskattaw proċeduri mibdija mill-istituzzjonijiet, sabiex tingħata ċertezza fl-aħjar interess tat-tfal, li ma jkunx hemm ulied sa minn età żgħira, mċaħħda bla raġuni valida milli jgawdu relazzjonijiet maż-żewġ ġenituri u dik familjari inkluż man-nanniet.  

Wara li inti f’Ġunju tas-sena 2022 ippreżentajt dokument lil Ministeru tal-Ġustizzja b’aktar minn 100 rakkomandazzjoni utili f’dan is-settur, x’tibdil trid tara fl-immedjat u għalfejn ħadt l-inizjattiva li ddaħħal petizzjoni quddiem il-Parlament Malti? 

Filwaqt li dawn huma r-rakkomandazzjonijiet, https://cdn-others.timesofmalta.com/e1fffacc17e4312e464704aa58c3080ec2c5aad0.pdf il-Petizzjoni quddiem il-Parlament Malti numru 29 qed tindirizza l-bżonn ta’ djalogu serju bejn l-istituzzjonijiet kompetenti u responsabbli jissaħħu s-salvagwardji legali b’tali mod li ma jħallux lok li d-dritt ta’ kull tifel u tifla li jżomm kuntatt ugwali, dirett u regolari maż-żewġ ġenituri jkun sekondarju jew dipendenti fuq ir-rieda tal-ġenituri iżda wieħed li jkun protett u nfurzabbli mill-istituzzjonijiet kompetenti ex officio.

https://www.parlament.mt/en/petition/?id=218&page=6&itemsPerPage=5

Jinħass il-bżonn ukoll li fil-Kodiċi Ċivili u liġijiet relattivi li jikkonċernaw lit-tfal jkun hemm responsabbiltajiet u prinċipji legali imposti fuq il-ġenituri li jissalvagwardjaw lil uliedhom f’każ li dawn jonqsu milli jikkooperaw f’dak li għandu x’jaqsam mad-dritt tat-tfal li jgawduhom it-tnejn indaqs, irrelevanti jekk dawn ikunux bdew xi kawża l-qorti.

F’każ ta’ separazzjoni personali, dan it-tisħiħ jista’ jiġi attwat mill-bidu nett waqt il-medjazzjoni, billi jiġi żgurat li l-medjatur għandu l-kompetenzi u r-riżorsi kollha meħtieġa sabiex jikkonsulta ma’ diversi professjonisti u jistabbilixxi jekk huwiex fl-aħjar interess tal-minuri li jkollhom kuntatt indaqs maż-żewġ ġenituri, f’dak l-istadju inizjali tas-separazzjoni.

Il-proċess ta’ medjazzjoni għandu jwassal lil ġenituri għal qbil dwar il-ħin li ser jqattgħu ma uliedhom billi jsir pjan dettaljat dwar kif ser jiġi pprattikat id-dritt tat-tfal tagħhom li jqattgħu l-istess ammont ta’ ħin maż-żewġ ġenituri, meta dawn ma jkunux qed jgħixu fl-istess dar.

Sabiex ma tintilifx żmien prezzjuż mit-trobbija tal-ulied, sakemm ma jinstabx qbil fuq il-kwistjonijiet li jirrigwardaw lil-ulied, il-medjazzjoni m’għandiex tiġi dikjarata magħluqa għaliex dan ifisser li trid tinfetaħ kawża u t-tfal ikunu tilfu l-opportunità li jkomplu jgawdu liż-żewġ ġenituri minħabba kwistjonijiet personali oħra li l-koppja tkun għadha ma qablitx fuqhom.

Il-Petizzjoni qed tindirizza wkoll id-dritt tat-tfal li mhux magħrufa mill-Qrati jew l-istituzzjonijiet minħabba li hemm xi kawża miftuħa l-Qorti. Dawn min jista’ jkun qed jiżgura li d-drittijiet tagħhom qed jiġu mħarsa?

L-għan tal-Petizzjoni hija li tagħti vuċi lit-tfal kollha li fil-preżent mhux igawdu minn ċertezza u protezzjoni legali tad-drittijiet fundamentali tagħhom, partikularment f’każijiet fejn il-ġenituri tagħhom stess mhux qed iħarsu primarjament l-interess tagħhom.

L-istituzzjonijiet għal-Ħarsien Soċjali diġà jassistu fejn ikun hemm il-bżonn ta’ għajnuna lil ġenituri sabiex jikkooperaw fl-aħjar interess tal-ulied u d-dritt tagħhom li jżommu, fuq bażi regolari, relazzjoni personali u kuntatt dirett ugwali maż-żewġ ġenituri, sakemm dan ma jkunx kuntrarju għall-interessi tal-wild.

Iżda l-petizzjoni tipproponi li jsir eżerċizzju ħolistiku li jwassal għat-twaqqif ta’ sistema amministrata minn istituzzjoni responsabbli għall-infurzar u ħarsien tad-drittijiet fundamentali tat-tfal u l-introduzzjoni ta’ regoli sostantivi u proċedurali inekwivoċi u definiti bl-liġi li jikkonċernaw id-dritt tat-tfal li jgawdu ż-żewġ ġenituri indaqs. Dan il-proċess ta’ tisħiħ għandu jinkludi konsegwenzi legali aktar stretti f’każ li l-ġenituri jonqsu mill-obbligi tagħhom lejn xulxin u dawk li jirrigwardaw lil uliedhom minħabba li ma jkunux qed jeżerċitaw fil-prattika r-responsabbiltà tagħhom li jikkooperaw.

Fost il-100 proposta li ressaqt https://cdn-others.timesofmalta.com/e1fffacc17e4312e464704aa58c3080ec2c5aad0.pdf wara riċerka li għamilt u kkonsultajt ma’ diversi oqsma li għandhom għal qalbhom il-ħarsien u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, qed nipproponi li jkun hemm tisħiħ ta’ mekkaniżmi nazzjonali sabiex aktar tfal ikunu r-rappreżentati u assistiti f’kull stadju u għal kull bżonn li jirrigwarda d-drittijiet tagħhom.

L-istituzzjonijiet kompetenti jew kull min juri li għandu rabta familjari jew professjonali mal-minuri bħal edukaturi jew nanniet jkun jista’ jibda proċess sabiex jinħatar rappreżentant legali imparzjali u indipendenti mir-rieda tal-ġenituri, li jiddefendi d-dritt tat-tfal għat-tgawdija tal-familja bla biża jew favuri. Dan il-proċess għandu jkun simplifikat u offrut mill-Istat, mhux biss meta ssir talba mill-qorti, jew minn xi ġenitur, iżda f’każ li jkun hemm sitwazzjoni li tkun ġiet ikkunsidrata li tmur kontra dan id-dritt fundamentali tat-tfal, minħabba li l-obbligu ta’ ħarsien tal-minuri jaqa’ fuq l-istat, speċjalment meta min ikollu l-kustodja ma jeżerċitahiex b’responsabbiltà u skont il-liġi fil-prattika.

Il-Manifest Elettorali ukoll jipprovdi għal dan it-tisħiħ tas-salvagwardji legali u għall-protezzjoni ta’ dritt tal-ulied li jqattgħu l-istess ammont ta’ ħin maż-żewġ ġenituri meta dawn ma jkunux jgħixu fl-istess dar u fejn ikun fl-aħjar interess tat-tfal, speċifikament taħt il-miżura numru 113.

Jekk jinteressak mid-drittijiet tat-tfal, iffirma l-petizzjoni hawn: https://parlament.mt/en/sign-petition/?id=218

Agħmel kuntatt ma’ Dr Lynn permezz tal-imejl: [email protected]

Sport