Sunday, December 22, 2024

L-ASA tippreżenta l-istaff tekniku għas-sentejn li ġejjin … Milan Cirovic il-kowċ ġdid tat-team nazzjonali

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-president il-ġdid tal-ASA Karl Izzo kellu ċ-ċans jindirizza lill-ġurnalisti preżenti f’konferenza stampa li saret f’lukanda ewlenija fil-Kappara.

Dan kollu seħħ jumejn qabel ma jingħata bidu għall-kampjonat tax-xitwa li se jkun sponsorjat minn Bank of Valletta li ilu jagħti l-appoġġ finanzjarju lil din l-assoċjazzjoni għal dawn l-aħħar 18-il sena.

Izzo beda biex qal li meta wieħed qed jitkellem fuq l-ASA din għandha aktar minn sempliċement waterpolo.

Il-president Izzo semma’ numru ta’ kompetizzjonijiet li t-timijiet nazzjonali ser ikunu qed jikkompetu fihom, fosthom il-waterpolo, l-għawm, l-għawm artistiku u l-għawm f’baħar miftuħ. Flimkien se naraw kif nistgħu ntejbu l-livell ta’ dawn id-dixxiplini.”

Izzo semma li hemm avvenimenti internazzjonali ġejjin fosthom Ir-round ta’ kwalifikazzjoni f’Diviżjoni 2 għat-Tazza tad-Dinja tal-irġiel li ser isir fir-Rumanija f’Marzu li ġej u r-round ta’ kwalifikazzjoni ta’ taħt is-17-il sena tal-irġiel bejn is-16 u d-19 ta’ Marzu. Hemm ukoll ir-round ta’ kwalifikazzjoni tan-nisa ta’ taħt is-17-il sena.

“Inħabbar b’sodisfazzjon li għal dan il-kampjonat tax-xitwa li se jibda nhar il-Ġimgħa li ġej u jispiċċa fid-29 t’April, b’kollox se jipparteċipaw 12-il tim. F’dan l-istess kampjonat se jiġu introdotti regoli ġodda fosthom dik taż-żewġ metri, il-penalties u l-fouls.”

“Nista’ nħabbar ukoll li ġie ffirmat kuntratt mar-referees Taljani sabiex ikun hemm skambji anke minħabba l-fatt li f’pajjiżna għandna nuqqas ta’ referees.”

Izzo jemmen ukoll li l-kampjonat tas-sajf, li tant hu wieħed popolari u mistennija jista’ jitwal sabiex ikun hemm iktar logħob u jiżdied il-livell. Il-ħsieb hu li jekk dan kollu ma jsirx matul din is-sena, din id-deċiżjoni tiġi applikabbli għas-sajf ta’ wara. 

Il-president il-ġdid tal-ASA ippreżenta l-istaff tekniku li se jibqa’ fis-seħħ sas-sena 2025 u dawn huma l-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo u ta’ taħt is-17-il sena Milan Cirovic li miegħu se jkun qed jgħinu Nicky Lanzon bħala assistent coach tal-kbar. Mill-banda l-oħra, il-kowċ ta’ esperjenza Anthony Panelli Farrugia se jkun l-assistent tat-tim taż-żgħażagħ.

Jonathan Valletta se jmexxi t-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-15-il sena b’Pawlu Privitera jkun l-assistent tiegħu. 
It-tim nazzjonali tan-nisa se jkun immexxi mill-kowċ Aurelien Cousin. Apparti li hu wkoll direttur tekniku tal-ASA, Cousin se jieħu ħsieb ukoll it-tim ta’ taħt is-17-il sena kif ukoll l-akkademja.

Il-kowċ tat-tim nazzjonali tal-għawm artistiku se tkun Michelle Hubner mgħejjuna minn Hannah Preca Trapani b’Delon Dannhauser li se jkun fit-tmexxija tat-tim nazzjonali tal-għawm.

Tkellem ukoll għall-ewwel darba l-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali Milan Cirovic. Dan tal-aħħar għandu 34 sena li proprju għalaqhom matul il-ġurnata tal-lum.

Qabel wasal pajjiżna, Cirovic kien l-assistent kowċ tat-tim nazzjonali Montenegrin u mexxa numru ta’ timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ f’pajjiżu stess.

Fil-karriera tiegħu kien assistent kowċ ta’ PVK Jadran u Galatasaray SK,fit-Turkija filwaqt li kien jieħu ħsieb liż-żgħażagħ tat-tim.

Milan Cirovic huwa ggradwat b’Baċellerat fl-Istudju Sportiv mill-Università ta’ Novi Sad, is-Serbja.

“Mill-esperjenza ngħidilkom li biex plejer tal-waterpolo verament ikollu livell għoli, irid iqatta’ ħafna ħin fl-ilma. Innutajt li ħafna mill-plejers lokali li jilagħbu l-waterpolo ma tantx iħobbu joqogħdu fl-ilma u dik se tkun l-ewwel ħaġa li se nipprova nibdel.”

Cirovic qal li jinsab ħerqan li f’April li ġej tiftaħ il-pixxina indoor u din se tgħin mhux ftit sabiex il-waterpolo jintlagħab tul is-sena kollha.

Hu temm jgħid li se jikkommetti ruħu li l-livell tat-tim nazzjonali Malti tal-waterpolo jogħla dejjem aktar fit-tentattiv li jiksbu postijiet aktar prestiġġjużi f’turnaments internazzjonali.

Ekonomija

Sport