Tuesday, May 14, 2024

“Jew teħodni jew inkisser kull m’hawn”

Kien ikollha tieħu lil binha jixtri d-droga kull tliet sigħat…

Aqra wkoll

Missier ta’ 22 sena, tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Nadine Lia u wara li nstab ħati tal-akkużi kontrih sena tpoġġa taħt ordni ta’ probation u trattament għal tliet snin. Hu nstab ħati li uża vjolenza psikoloġika u morali kontra ommu, li beżżagħha li se tintuża vjolenza kontriha u li kiser ordni tal-Qorti.

Il-Prosekuzzjoni meta bdiet tispjega quddiem il-Qorti qalet li f’Ottubru tas-sena li għaddiet, omm u oħt l-akkużat kienu għamlu rapport l-għassa dwaru. Fir-rapport l-omm kienet qalet li biha jieħu droga sintetika u jgħidilha biex tieħdu l-Marsa kull tliet sigħat biex jixtri d-droga. Hu qalet li jekk xi darba tgħidlu le allura binha jsir aggressiv u jibda jagħmel il-ħsara fid-dar tagħha. L-omm qalet li anke bil-lejl kien qed jaġixxi hekk u jeddidha li jekk ma ttiħx flus għad-droga kien se jmur għand in-nanniet u jwerwirhom.

Oħt l-akkużat min-naħa tagħha fir-rapport tal-pulizija qalet li kien qed ikollhom jissakru fil-kmamar tad-dar għax jibżgħu ħafna minnu. Iżda meta ġiet biex tixhed il-Qorti hi għażlet li ma tagħmilx dan u allura l-akkużi dwar ir-rapport li kienet għamlet hi kellhom jitwaqqgħu.

Ġara li waqt li ommu kienet qiegħda l-għassa biex tagħmel rapport, binha ċemplilha u għamlitu fuq speaker biex il-pulizija jkun jista’ jisma’ dak li kien qed jgħid. Hu qallha, “int ġejja ħa twassalni ħa mmur nixtri? Fil-każ ħa nkompli nkisser kulm’hawn.” Kien wara din it-telefonata li l-pulizija marru jarrestawh u waqt l-interrogazzjoni għażel li jibqa’ sieket. Hu kien wera x-xewqa li jingħata l-għajnuna posibbli biex jaqta l-vizzju tad-droga.

Waqt li kienet qed tixhed, l-omm qalet li hi tixtieq tgħin lil binha joħroġ mill-vizzju tad-droga u mhux jiġi kkastigat. Qalet li tant kemm beda jsir aggressiv li beda jkisser kulma jsib id-dar. L-omm sostniet li għalkemm kien jheddida, binha qatt ma refa’ idu fuqha.

L-omm kompliet tgħid li bl-effett tad-droga kien jiġi ħażin ħafna filwaqt li reġgħet sostniet li ma tridx tara lil binha aktar f’din is-sitwazzjoni. L-omm qalet li kienet qed taħfirlu u tixtiequ li jerġa’ lura d-dar pero tixtieq ukoll li jingħata l-għajnuna.

Uffiċjal tal-Probation li tqabbad apposta fil-każ qalet li għadu kmien wisq biex isir magħruf xi progress għamel, iżda fl-istess waqt qalet li l-akkużat ma jridx jindirizza l-problema tad-droga. Hu qalet ukoll li ilu jieħu d-droga mindu kellu 13-il sena u qatt ma pprova jibda programm, għalkemm kien attenda xi sezzjonijiet għand il-Caritas.

Min-naħa tagħha l-Qorti qalet li l-omm u oħt l-akkużat ma jridux li jittieħdu passi kontrih u xtaqu li jaħfrulu. Tant hu hekk li qed jistennewh sejjer lura d-dar. Fl-istess waqt huma werw ix-xewqa li jibda programm biex jaqta l-vizzju tad-droga.

Il-Qorti sabitu ħati li uża vjolenza psikoloġika u morali kontra ommu , li beżżagħha li se tintuża vjolenza kontriha u li kiser ordni tal-qorti.

Rigward l-akkuża li kiser ordni tal-Qorti, ġie nnotat li piena tal-ħabs mhux se tħalli l-frott mixieq u għalhekk poġġietu taħt ordni ta’ probation u trattament għal tliet snin.

Ġie ordnat ukoll iħallas €11,000 u poġġietu taħt ordni ta’ trażżin favur ommu anke fid-dawl li se jerġa’ jmur jgħix għandha.

Sport