Tuesday, March 25, 2025

L-atletika tagħmlek isbaħ, għaliex meta  persuna tħossha sodisfatta b’li tkun qed tagħmel, tkun aktar kuntenta magħha nnifisha – Claudia Calleja

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

L-isport minn dejjem kien xi ħaġa li nħobb nipprattika. Xtaqt li nvolvejt ruħi fl-atletika minn ta’ etá iżgħar, peró qatt m’hu tard wisq u allura wara li kelli t-tfal involvejt aktar ruħi fl-atletika. Bdejt bilmod għall-gost kemm inħossni tajba li qed nagħmel xi ħaġa, u llum il-ġurnata saret xi ħaġa li ma noqgħodx mingħajrha.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Nemmen dejjem li dak li tistinka għalih u taħdem bis-serjetá finalment jissarraf f’suċċess. L-akbar suċċess li rnexxieli nakkwista, hija d-dixxiplina miegħi nnifsi. Nemmen li din hija l-aktar parti importanti fi kwalinkwe suċċess fil-ħajja.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Għandna livell tajjeb  ħafna ta’ atletika f’pajjiżna. Ovvjament nemmen li nistgħu nkunu aħjar, peró rridu nżommu f’moħħna li kulħadd bil-limitu tiegħu għaliex atleti Maltin anke dawk li jirrapreżentaw lil pajjiżna, jridu wkoll imorru għax-xogħol tagħhom b’ħafna minnhom jaħdmu ħinijiet twal, allura nemmen  li kieku lil dawn tinħolqilhom għajnuna b’xi mod, għandna dejjem ikollna riżultati aħjar. 

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Għandna nħeġġu lit-tfal kollha  u nħajruhom jibdew għaliex l-atletika hija l-qofol ta’ kull sport li jixtiequ jirnexxu fih. Għandna bżonn aktar faċilitajiet fejn jitħarrġu u l-ftit li għandna jinżammu tajjeb.

Bħala mara ta’ suċċess minn kull lat, kemm tgħinek l-atletika biex taffaċċja l-isfidi tal-ħajja?

Il-ħajja kollha sfidi , u magħha ġġib sitwazzjonijiet mhux mistennija. Persuna attiva fil-ħajja tagħha għandha ċans li taffaċċja problemi tal-ħajja b’mod differenti. Il-kompetizzjoni li tkun bnejt miegħek innifsek fl-atletika ,bl-esperjenza,  tissodak  u tgħallmek ma taqtax qalbek u jekk hemm bżonn tiġġieled miegħek nnifsek biex tasal fejn trid. Dan kollu wara jsarraf f’sodisfazzjon inkredibbli.

Illum il-ġurnata ma nbiddel ma’ xejn dak il-mument ta’ sodisfazzjon meta tispiċċa tellieqa li fil-veritá jkollok eċitament kbir sejra għaliha, għaliex tkun taf li ħdimt għaliha u tkun tixtieq li tmur tajjeb fiha. Il- bonus ikun li tkun għamilt PB. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Ma nqiex lili nniffsi xi ħadd li ngħix għall-atletika, peró nħoss li l-atletika hija parti importanti fil-ħajja tiegħi. Hija sfida ħelwa fil-ħajja tagħna speċjalment meta tipprattika ma’ grupp ta’ ħbieb li taqsam ħafna mill-ħin ta’ taħriġ magħhom. Nixtieq li nibqa’ attiva u niġri f’maratoni barra minn xtutna sakemm il-Mulej jagħtini s-saħħa.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Qatt mhu tard wisq, peró l-aktar kmieni li tibda l-aħjar. L-ewwel ħaga, kull individwu b’xi mod jew ieħor għandu jsib ħin għal xi attivitá fiżika tiegħu. Dan jagħmel ġid għas-saħħa mentali, u għall-ħajja tagħna. Sakemm tibda, hija diffiċli speċjalment għal min isibha difficli biex iżomm il-kelma miegħu nnifsu u jasal jimmissja. Il-mument li tidħol fiha, l-atletika tidħol fik u tħossok  aħjar biss jekk tipprattikha.

Minbarra li ssaħħek, tgħinek fid-dehra fiżika tiegħek. Trabbi dixxiplina miegħek innifsek, xi ħaġa li sfortunatament tiltaqa’ ma’ ħafna li jbatu n-nuqqas tagħha, u trabbilek ritmu u kuraġġ fil-ħajja ta’ kuljum.

L-atletika tagħmlek isbaħ, ghaliex meta persuna tħossha sodisfatta b’li tkun qed tagħmel, tkun aktar kuntenta magħha nnifisha, u meta aħna nkunu kuntenti, ngħixu aħjar!  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport