Wednesday, April 24, 2024

L-ATTAKK F’MOSKA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Bla dubju, bħal ma għamilna mal-poplu Franċiż fil-każ tal-attakk fuq il-Bataclan f’Pariġi, irridu nuru solidarjetà sħiħa mal-poplu Russu wara l-attakk faħxi fuq is-sala Crocus f’Moska. Il-qtil insensat ta’ ċittadini innoċenti ma jistax ma joħloqx sens ta’ disgust u jqanqal rieda dejjem aktar qawwija biex it-terroristi ma jitħallewx jiddominaw bil-biża’ li jxerrdu, il-mod kif il-ħajja tingħex.

Żewġ mistoqsijiet jispikkaw dwar il-ġrajja ta’ Moska. Għax ilna ma nisimgħu dwarhom, ħafna kienu emmnu li t-terroristi ta’ ISIS jew ta’ aġenziji estremisti simili, kienu ddgħajfu għal kollox. Jidher li mhux hekk ġara. Forsi d-dinja għandha tingħata rendikont ta’ x’sar matul l-aħħar snin biex l-għaqdiet terroristi jinqerdu.

Imbagħad hemm il-punt li r-Russja tinsab fi gwerra. (Min bdiha u jinsab responsabbli għaliha, hi ħaġa’oħra.) Issa, pajjiż fi gwerra jkun armat f’kull sens biex jilqa’ għal kull attakk, mingħand dawk li jinsab f’konfront magħhom, u mingħand oħrajn li huma għedewwa u qed jistennew ix-xoqqa f’moxtha biex jagħtu d-daqqa tagħhom. Ma jidhirx li r-Russja kienet imħejjija għad-daqqa terrorista li qalgħet.

PRESSJONI

Niddubita kemm hi apprezzata ta’ li hi d-dinamika li topera fi ħdan l-Unjoni Ewropea biex il-grupp ta’ pajjiżi membri jaslu għal deċiżjoni bejniethom. Bqajna bl-idea li l-Unjoni taħdem billi kemm jista’ jkun tasal għal kompromessi li kulħadd jew kważi jista’ jaqbel magħhom, lil hinn mill-mekkaniżmu tal-maġġoranza kwalifikata.

Fir-realtà, dan jiġri ta’ spiss imma jiġri wkoll li jekk fil-grupp, l-aqwa membri tiegħu jaqblu li jridu xi ħaġa bil-qawwa, isibu mezzi ta’ “persważjoni” kif ixaqilbu lejhom lil dawk li huma xettiċi dwar dak li jridu jwettqu. U fil-proċess ta’ “persważjoni” ma joqogħdux lura milli jagħfsu fuq kull front biex iġibu “kunsens”.

Hekk qed jiġri bħalissa fil-mod kif malajr malajr, l-Unjoni Ewropea qed tevolvi lejn alleanza militari.

BINI JITMERMER

Ftit li xejn jintqal dwar il-binjiet/djar abbandunati li għal raġuni jew oħra, jitħallew jitmermru u vojta. Ir-raġuni tista’ tkun li intirtu minn numru ta’ persuni li ma joqogħdux fihom; li jeħtieġu tiswijiet kbar; li huma binjiet qodma fejn ħadd ma jrid jgħix illum; u oħrajn. Uħud jitħallew mitluqa u miftuħa għall-elementi.

F’B’Kara fejn noqgħod hemm numru sew ta’ postijiet hekk, inkluż fit Triq il-Wied li fiż-żmien kien ċentru ta’ ħajja kummerċjali u residenzjali imma llum aktar sar sempliċi arterja tat-traffiku.

Veru li fil-biċċa l-kbira, din il-ħażna ta’ bini jitmermer tappartjeni lil sidien privati. Imma possibbli li ma tistax titfassal xi strateġija biex il-postijiet li jinsabu f’dil-qagħda jiġu salvati?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport