Wednesday, April 24, 2024

L-attakk fuq Salman Rushdie 

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Fit-12 ta’ Awwissu li għadda, l-awtur kontroversjali Salman Rushdie, ingħata xebgħa sikkina ġewwa New York meta kien sejjer jibda jagħti lecture. Minkejja li issa jidher li Rushdie qaleb għall-aħjar u m’għadux fil-periklu tal-mewt, minħabba dan l-attakk, dan l-awtur mistenni jitlef għajn waħda u sejjer ikollu jkompli ħajtu b’diżabilita’ serja f’idu x-xellugija u b’pulmun difettuż.

Dan l-attakk sar minn żagħżugħ Amerikan ta’ dixxindenza Lebaniża u residenti gewwa New Jersey. Il-mottiv wara dan l-attakk minn dan iż-żagħżugħ ta’ 2l sena kienet ‘l hekk imsejha ‘fatwa’ jew kundanna tal-mewt li kien ingħata Rushie lura fl-1989 mill-Ayotallah Ruhollah Khomeini, li dik il-ħabta kien il-mexxej suprem tal-Iran. Khomeini kien ordna lill-Musulmani kolla ta’ madwar id-dinja sabiex b’xi mod jew ieħor joqtlu lil Salman Rushdie wara l-pubblikazzjoni tal-ktieb bl-isem ta’ Il-Versi Sataniċi (Satanic Verses), ktieb li skont Khomeini kien fih diversi insulti lejn ir-reliġjon Iżlamika u lejn il-Profeta Muhammed. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, Rushdie qatta’ ħajtu jgħix fil-moħbi.

Minkejja li d-dinja tinsab ixxukjata b’dan l-attakk, l-aktar minħabba li issa għaddew kważi 34 sena minn meta ħarġet il-fatwa, jekk wieħed ifittex sew fuq din il-fatwa għandu jsib li l-fanatici Musulmani diġà qatlu mill-inqas żewġ persuni li kienu b’mod dirett assoċjati ma’ dan il-ktieb. Dawn kienu żewġ tradutturi tal-istess ktieb, b’wieħed minnhom kien qalbu bin-Norvegiż u l-ieħor li qalbu bil-Ġappuniż.

Min hu Salman Rushdie?

Ahmed Salman Rushdie, li llum ghandu 75 sena, twieled ġewwa l-belt ta’ Mumbai gewwa l-Indja, iben negozjant sinjur Indjan ta’ twemmin Musulman. Salman kien kompla l-istudji tieghu fl-istorja gewwa l-Universita’ Ingliża ta’ Cambridge. Wara li kien għamel żmien jaħdem ġewwa l-istess Ingilterra bħala kittieb u disinjatur ta’ reklami li jidhru fil-ġurnali, fl-1975, Rushdie ppubblika l-ewwel ktieb tiegħu bl-isem ta’ Grimus. Però, kien it-tieni ktieb tiegħu, novella fuq l-Indja moderna, bl-isem ta’ ‘It-tfal ta’ nofsillejl’ li ġie ppubblikat fl-1981, li għamel lil Rushdie famuż madwar id-dinja kolla. Tant għamel suċċess dan il-ktieb li fl-2012 hareġ bhala film.

Fil-kitba ta’ Rushdie jispikkaw il-messaġġi moħbija fuq temi storiċi, filosofiċi u reliġjużi li Rushdie jħobb iwassal permezz ta’ stejjer u karattri fittizji. Dan kompla jagħmlu bit-tielet novella tiegħu bl-isem ta ‘Mistħija’ li titratta l-ħajja politika moderna ġewwa l-Pakistan, pajjiż li nfired mill-Indja minħabba r-reliġjon.

Il-Versi Satanici

Ir-raba publikazzjoni ta’ Rushdie kienet il-famuza ‘Versi Satanici’. Il-karattru ewlieni f’dan il-ktieb jinghad li huwa bbażat fuq il-Profeta Muhammed. Il-mod ta’ kif Rushdie żviluppa lil dan il-karattru u anke kif interpreta xi paragrafi mill-Koran f’dan il-ktieb, kien meqjus bħala offensiv mill-mexxejja tal-komunità Musulmana ġewwa l-Ingilterra. Dan wassal sabiex ftit wara li ħarġet din il-pubblikazzjoni, ġewwa diversi pajjiżi, l-aktar ġewwa l-Pakistan, saru diversi protesti kontra Rushdie, protesti li lahqu l-qofol taghhom bil-kundanna tal-mewt li semmejna. Din il-kundanna waslet sabiex minn dak iż-żmien ‘l hawn, Rushdie għex taħt il-protezzjoni ta’ Scotland Yard f’postijiet sigrieti u minkejja li huwa kultant jidher għal xi okkażjoni bħal dik ta’ ġewwa New York, dan jagħmlu mingħajr ħadd ma jkun jaf minn qabel.

Il-fatwa rtirata 

Fl-1998, il-Gvern Iranjan ħabbar li l-fatwa fil-konfront ta Salman Rushdie kienet qiegħda tkun irtirata. Però, konxju li l-fatwa kien sejra tkompli tkun imfittxija mill-fanatiċi, Rushdie kompla jgħix fil-moħbi, dejjem skortat. Matul dan iż-żmien huwa beda jikteb taħt l-isem ta’ Joseph Anton. Fil-fatt, huwa semma l-awtobijografija li kiteb fl-2012 bħala Joseph Anton.

Il-libertà tal-espressjoni

Mal-pubblikazzjoni tiegħu, ‘Il-Versi Satanici’ qajjem diskussjoni differenti minn dik li forsi kien intiż li jqajjem meta nkiteb. Id-diskussjoni ma ġietx influwenzata kompletament mill-kontenut tal-ktieb, iżda mir-reazzjoni tal-fanatiċi Iżlamici fuqu.

Wara l-protesti mdemmija li saru madwar id-dinja wara li ħareġ dan il-ktieb, hafna bdew jistaqsu jekk huwiex sew li kullhadd jikteb dak li jfettilu minhabba l-liberta’ tal-espressjoni. Bdew ħerġin għadd ta’ mistoqsijiet bħal pereżempju jekk hijiex xi ħaġa etika li xi ħadd jikteb dak li jħoss mingħajr ma jara huwiex qiegħed joffendi lil xi ħadd ieħor jew jekk huwiex ġust li wieħed jikteb dak li jfettillu mingħajr ma jieħu inkonsiderazzjoni l-ħsara fir-reputazzjoni li jkun qiegħed jagħmel lil xi ħadd? Dan l-argument kien rega’ qam bi prominenza meta kienu seħħew l-attakki fuq l-uffiċċju minn fejn joħroġ il-ġurnal satiriku Franċiż, ic-Charlie Hebdo. B’kollox saru tliet attakki fuq dan il-ġurnal minn terroristi Iżlamiċi wara li kienu ġew ippubblikati ċertu karikaturi fuq il-profeta Muhammed, bit-tieni attakk, dak li ġara fl-2015, iħalli 12-il persuna mejta.

Dan l-attakk fuq Salman Rushdie ta tagħlima kbira lis-servizzi ta sigurtà li jkunu qegħdin jieħdu ħsieb nies bħal Salman Rushie. Din hija li fid-dinja tal-fundamentaliżmu ma jeżistix żmien biex ifejjaq il-feriti. Għall-fanatiċi, ma teżistix aljenazzjoni bi kwistjonijiet bħall-Covid u l-gwerra tal-Ukrajna. Il-fundamentalisti jibqgħu jiftakkru dejjem. Ħadd ma għandu jinsa li llum hemm l-internet li fih, żgħażagħ bħal dak li attakka lil Rushdie, żgħażagħ li twieldu ħafna snin wara li tkun seħħet xi grajja li tkun waslet għal xi xewqa ta’ vendetta, jsibu kitba fuq xi ġrajjiet li seħħew ħafna snin ilu mimlija provokazzjoni li jsaħħnu l-irjus daqs li kienu dawn seħħew ftit tal-ġranet qabel.

Sport