Sunday, May 5, 2024

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: Il-coach Mark Gatt jittama għal wirja aħjar kontra l-Montenegro

Aqra wkoll

Il-coach nazzjonali Malti tan-nisa, Mark Gatt, qed jittama li t-team tiegħu jinsa kemm jista’ jkun malajr it-telfa kontra l-Azerbaigan u jtejjeb il-prestazzjoni tagħhom fl-aħħar partita ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja kontra l-Montenegro.

It-team immexxi minn Gatt se jtemm il-kampanja ta’ kwalifikazzjoni kontra t-team mill-Ewropa tal-Lvant f’Podgorica, nhar it-Tlieta (kick-off: 6pm).

Nhar il-Ġimgħa, goal f’kull taqsima temm it-tamiet ta’ Malta li tassigura 10 punti f’kampanja ta’ kwalifikazzjoni għat-tieni darba konsekuttiva.

Minkejja dan, Gatt – fl-aħħar logħba tiegħu bħala coach  nazzjonali tan-nisa ta’ Malta, jemmen li l-players tiegħu għandhom dak li hemm bżonn biex jispiċċaw fuq nota pożittiva.

“Nixtieq nara titjib ġenerali mit-team tiegħi u attitudni li tirrifletti l-wirjiet b’saħħithom li diġà wrejna f’din il-kampanja ta’ kwalifikazzjoni,” qal Gatt.

“Iktar sigurtà difensiva, aktar effiċjenza fl-attakk u inqas żbalji tekniċi huma l-aktar li neħtieġ meta niffaċċjaw lill-Montenegro.”

Il-paċenzja se tkun essenzjali filwaqt li huwa kruċjali wkoll li ngħaqqdu l-affarijiet pożittivi tagħna li għamilna fil-logħob riċenti sabiex nassiguraw riżultat finali pożittiv.”

Il-Montenegro, min-naħa tagħhom, għadhom qed jikkompetu għall-post storiku fil-play-offs tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa.

Jeħtieġ li jirbħu u jittamaw li l-Bosnja-Herzegovina titlef kontra l-Azerbaijan sabiex jispiċċaw fit-tieni post.

Għalhekk, il-coach Gatt saħaq li Malta trid turi titjib mil-logħba kontra l-Azerbaijan jekk trid tikseb riżultat pożittiv f’Podgorica.

“B’ħarsa lura lejn il-logħba tal-Azerbaijan, kien hemm taħlita ta’ affarijiet li marru ħażin,” spjega Gatt.

“Il-partita finali tagħna flimkien qabel din it-tieqa Internazzjonali ta’ Settembru kienet lura f’April, wara li qabżet dik ta’ Ġunju minħabba fatturi li ma kinux taħt il- kontroll tagħna, filwaqt li l-Azerbaijan kienu lagħbu double-header kontra t-Turkija f’Ġunju.

Barra minn hekk, minħabba ż-żmien limitat disponibbli għall-preparazzjoni għal- logħba internazzjonali, xi kultant anke anqas minn tliet sessjonijiet, is-suċċess jew in-nuqqas tiegħu jiddependi ħafna fuq il-preparazzjoni ġenerali li wieħed isib fil-players.

Sfortunatament, f’din l-okkażjoni, ġejjin minn pre-season fejn ħafna players kellhom ftit ħin ta’ logħob u dan irrifletta ħażin fuq il-prestazzjoni ġenerali tagħna f’ħafna aspetti.”

Fl-istess waqt, Gatt ħa r-responsabbiltà wkoll li pprova jimplimenta approċċ aktar offensiv għal din il-logħba li seta’ ma ħalliex ir-riżultati mixtieqa matul id-90 minuta kontra l-Azerbaijan.

“Nittama li t-telfa tal-Azerbaijan kienet biss xi ħaġa tal-passat u li kontra l-Montenegro jkollna prestazzjoni aħjar,” qal Gatt.

Sport