Saturday, December 21, 2024

L-AVVELENAMENT TAL-MONOSSIDU TAL-KARBONJU

Aqra wkoll

Il-monossidu tal-karbonju (carbon monoxide) huwa gass bla kulur u bla riħa li jista’ jiġi ffurmat bil-ħruq ta’ fjuwil, injam, propan, faħam jew karburanti oħra. Tagħmir jew magni li jaħarqu l-fjuwil, bħal heaters tal-gass, grills, fireplaces, generators, fran u magni tal-karozzi, waqt li jkunu vventilati b’mod ħażin, partikolarment fi spazji magħluqa, jistgħu jippermettu li dan il-gass li jidħol fid-demm, jakkumula għal livelli perikolużi. 

L-avvelenament mill-monossidu tal-karbonju huwa meqjus bħala emerġenza medika li tista’ tkun ta’ periklu għall-ħajja umana. Hekk kif il-ġisem jibda jissostitwixxi l-ossiġnu ġewwa ċ-ċelloli ħomor tad-demm bil-carbon monoxide, ħsara serja fil-qalb jew fil-moħħ, korriment tal-fetu jew saħansitra mewt jistgħu jseħħu.

Is-sinjali ta’ twissija ta’ avvelenament b’dan il-gass jistgħu jkunu sottili ħafna u ma jiġux osservati. Dawn jistgħu jinkludu uġigħ ta’ ras, djufija, sturdament, dardir jew irremettar, qtugħ ta’ nifs, konfużjoni, vista mċajpra, uġigħ fis-sider u eventwalment li wieħed jintilef minn sensieh.

L-espożizzjoni għall-monossidu tal-karbonju tista’ tkun iktar perikoluża fil-fetu, fit-tfal, fl-adulti anzjani, f’dawk li għandhom mard kroniku tal-qalb, kif ukoll f’dawk li jintilfu minn sensihom għal perjodu twil jew li jkunu reqdin waqt l-espożizzjoni għal dan il-gass.

Sabiex tiġi minimizzata l-ħsara mill-avvelenament tal-monossidu tal-karbonju, wieħed jista’ faċilment jinstalla detectors apposta fl-uffiċini u fid-djar, jiftaħ il-bibien kollha tal-garaxx u idealment juża apparati li jaħarqu l-fjuwil biss meta xi ħadd ikun imqajjem biex jissorveljahom. Dan importanti li jsir f’postijiet fejn ikun hemm bibien jew twieqi miftuħa biżżejjed biex jipprovdu arja friska rikka fl-ossiġnu biex tgħaddi mill-kmamar. 

Aqra aktar fuq is-saħħa holistika billi żżur il-paġna ta’ Facebook:

×Be Holistically Healthy, MD×

Ekonomija

Sport