Wednesday, March 27, 2024

Tliet żgħażagħ fosthom tnejn minuri mixlija b’serq ta’ muturi

Aqra wkoll

Tliet żgħażagħ irġiel, tnejn minnhom minuri, tressqu l-Qorti b’rabta ma’ sensiela ta’ serq ta’ muturi. Huma ġew arrestati minn uffiċjali tal-pulizija li lemħuhom isuqu quadbike misruqa.

Brooklyn Camilleri ta’ 18-il sena residenti l-Floriana flimkien ma’ żewġ żgħażagħ oħra ta’ 15-il sena mill-Imġarr u Ħad-Dingli, tressqu quddiem il-Maġistrat Victor Axiak mixlija b’serq ta’ muturi mill-Imtarfa, Ħad-Dingli u r-Rabat. 

Il-Prosekuzzjoni spjegat kif iż-żgħażagħ kienu allegatament ikkawżaw ħsara u serqu sitt muturi matul ix-xahar ta’ Diċembru. Qalet li fit-13 ta’ Diċembru, il-Pulizija mill-Għassa tar-Rabat kienu infurmati li seħħet l-ewwel serqa ta’ mutur u sussegwentement, ġew irrappurtati aktar serqiet. 

Fl-20 ta’ Diċembru, tnejn mill-akkużati nqabdu fuq waħda mill-quadbikes misruqa f’parkeġġ u ġew arrestati. Wieħed minnhom ikkopera mal-pulizija u għen fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija. 

Fil-Qorti, it-tliet żgħażagħ wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom bid-Difiża ma tikkontestawx il-validità tal-arrest. 

Il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lil Camilleri fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Iż-żewġ żgħażagħ ta’ 15-il sena ngħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €250 u garanzija personali ta’ €5,000 kull wieħed.

Il-Maġistrat Axiak spjega lill-imputati li l-ħelsien mill-arrest tagħhom kien privileġġ, u qalilhom li “llum stajtu rqadu l-ħabs”. Fl-istess waqt, wissiehom li jekk jiksru xi waħda mill-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, il-problemi tagħhom jistgħu jmorru għall-agħar.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Attard, Stacy Gatt u Andy Rotin. Għal Camilleri dehret l-Avukat Leontine Calleja filwaqt li għaż-żewġ imputati l-oħra dehru l-Avukati Arthur Azzopardi u Josette Sultana. 

Ekonomija

Sport