Wednesday, May 15, 2024

L-Awstralja: Iddikjarata emerġenza nazzjonali f’żewġ stati minħabba l-għargħar

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison qal li huwa se jkun qiegħed jiddikjara emerġenza nazzjonali f’żewġ stati li qed isofru minn għargħar kbir. Fl-aħħar ġimagħtejn għargħar qawwi laqat lil New South Wales (NSW) u Queensland u ħalla minn tal-inqas 20 persuna mejtin filwaqt li eluf ta’ persuni kellhom jitilqu minn djarhom. Dan seħħ wara xita qalila li kisret kull rekord. 

Il-gvernijiet federali u dawk statali spiċċaw fil-mira ta’ kritika minn għadd ta’ residenti rrabjati fejn dawn akkużawhom li ma aġixxewx malajr biex jipproteġu lir-residenti. Fid-dawl ta’ dan, Morrison qal li bid-dikjarazzjoni ta’ emerġenza nazzjonali l-awtoritajiet federali se jkunu jistgħu jintervjenu b’mod iktar dirett. Morrison għamel din id-dikjarazzjoni fil-belt ta’ Lismore fejn il-ġimgħa li għaddiet erba’ persuni tilfu ħajjithom kawża ta’ dan l-għargħar. Huwa ddeskirva dawn l-avvenimenti bħala li jseħħu “darba kull 500 sena”.

Is-saħħiet li jgawdi s-servizzi nazzjonali ta’ emerġenza ġewwa l-Awstralja kienu daħħlu fis-seħħ bejn l-2019 u l-2020 wara n-nirien kbar li kienu ħakmu partijiet minn dan il-pajjiż. L-għan tagħhom hu li jaqtgħu l-burokrazija u jkunu jistgħu wasslu l-għajnuna fuq il-post b’iktar ħeffa. Mal-wasla tiegħu fuq il-post, Morrison sab tilqgħu folla mdaqqsa ta’ persuni li kkritikatu għall-mod kif qiegħed imexxi f’dak li għandu x’jaqsam mat-tibdil fil-klima, fenomenu li qiegħed iwassal biex avvenimenti estremi ta’ temp iseħħu b’iktar frekwenza. 

Sport