L-Awstrija sar l-ewwel pajjiż fl-Ewropa fejn it-tilqim kontra l-Covid-19 se tkun qiegħda ssir obbligatorja għall-adulti kollha. B’hekk issa ċ-ċittadini kollha li għandhom minn 18-il sena ’l fuq jeħtieġ li jkunu mlaqqmin bid-dożi kollha kontra l-virus jew inkella jlaqqtu multa ta’ €3,600.
Nisa tqal u persuni li għal raġunijiet mediċi ma jkunux jistgħu jitlaqqmu se jkunu qed jiġu eżentati. Dawk il-persuni li rkupraw mill-infezzjoni f’dawn l-aħħar sitt xhur se jkunu eżentati wkoll. Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Awstrija se tkun qiegħda tnaqqas numru ta’ restrizzjonijiet.
Il-Kanċillier Karl Nehammer qal li r-restrizzjonijiet ta’ lockdown għal dawk il-persuni mlaqqma ġew fi tmiemhom. Dawn ir-restrizzjonijiet ilhom fis-seħħ minn Novembru. Dan it-tibdil qiegħed isir minkejja li dan il-pajjiż qiegħed ikollu numri rekord ta’ infezzjonijiet ġodda minħabba l-varjant Omicron. Nehammer qal li n-numru żgħir ta’ persuni li qed jidħlu l-isptar ifisser li l-gvern jista’ jnaqqas ċertu restrizzjonijiet.