L-Awtorità tad-Djar ħabbret li waqfet il-kuntratt mal-kuntrattur fuq proġett residenzjali fis-Siġġiewi. Il-proġett tal-bini ta’ blokka residenzjali ġdida fiż-żona ta’ Wied Ħesri fis-Siġġiewi kellu jitlesta f’Lulju ta’ din is-sena, madankollu l-Awtorità tad-Djar qalet li kellha ripetutament tiġbed l-attenzjoni tal-kuntrattur dwar in-nuqqas ta’ progress fix-xogħlijiet u n-nuqqas li l-kuntrattur isegwi l-istruzzjonijiet tal-kumpanija tal-periti u l-project managers responsabbli, Housing Projects Solutions Ltd.
L-Awtorità tad-Djar qalet ukoll li talbiet għal ħlasijiet addizzjonali mressqa mill-kuntrattur ukoll ġew verifikati b’mod indipendenti u ma nstabux li kienu dovuti. Qalet li se tkompli tħares il-fondi pubbliċi u tinsisti fuq il-kontabilita’ fit-twettiq tal-proġetti tagħha. L-Awtorità tad-Djar enfasizzat li l-kuntratturi huma obbligati li jwettqu dak li jkunu impenjaw ruħhom għalih u meta dan ma jseħħx se tieħu azzjoni.
L-Awtorita’ tad-Djar sostniet li se tibqa’ dejjem tieħu l-passi meħtieġa biex il-proġett fiż-żona ta’ Wied Ħesri fis-Siġġiewi jitkompla, bl-impenn li twassal governanza b’saħħitha għall-akkomodazzjoni ta’ kwalità għall-benefiċċju tar-residenti u l-komunità.

