Thursday, October 8, 2026
Home Sport Nisa: Il-coach Manuela Tesse ssejjaħ l-iskwadra finali għal kontra l-Lussemburgu

Nisa: Il-coach Manuela Tesse ssejjaħ l-iskwadra finali għal kontra l-Lussemburgu

0
55
Ritratt: mfa.com.mt

Il-coach tat-team nazzjonali Malti tan-nisa, Manuela Tesse, ħabbret l-iskwadra finali ta’ 24 player għall-partita ta’ ħbiberija internazzjonali kontra l-Lussemburgu, li se tintlagħab fil-Centenary Stadium nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Ottubru, fis-7.00 pm.

Din il-partita tifforma parti mill-preparazzjoni ta’ Malta għall-UEFA Women’s Nations League tas-sena d-dieħla, fejn it-team se jikkompeti f’League C. It-tlugħ tal-poloz f’Novembru se jiddetermina l-avversarji ta’ Malta.

L-għażla ta’ Tesse tgħaqqad players internazzjonali b’esperjenza ma’ players iżgħar, u toffri opportunità biex tiġi evalwata l-iskwadra u jkompli l-iżvilupp tat-team qabel il-kampanja kompetittiva li jmiss. 

Qabel il-partita, Tesse enfasizzat l-importanza li l-players żgħar jingħataw opportunitajiet, filwaqt li tinżamm l-esperjenza u t-tmexxija tal-players aktar stabbiliti, li għandhom rwol importanti fl-appoġġ lill-ġe­nerazzjoni li jmiss.

Il-captain Emma Lipman laqgħet l-opportunità li terġa’ tingħaqad ma’ sħabha wara waqfa twila mill-football internazzjonali.

“Huwa sabiħ li finalment nerġgħu nin­għaqdu wara waqfa internazzjonali twila. Ħafna mill-bniet qed ikollhom wirjiet tajbin mal-clubs tagħhom, għalhekk qed nittama għal kamp pożittiv, b’ħafna opportunitajiet biex naħdmu fuq l-affarijiet li ma rnexxilniex nagħmlu sew fl-aħħar kampanja tagħna tan-Nations League.”

Meta tkellmet dwar il-partita tal-Ġimgħa, hija żiedet tgħid: “Il-Lussemburgu wkoll għamlu ħafna progress, għalhekk din se tkun sfida tajba għalina. Għaldaqstant għandha tkun partita eċċitanti.”

L-iskwadra finali hija:

Goalkeepers:Maya Cachia (Hibernians), Raisa Costantino (Orobica Calcio Bergamo – Italja), Giulia D’Antuono (Mġarr U.).

Difensuri: Fiona Buttigieg (London Bees – Ingilterra), Leanne Cefai (Mġarr U.), Jessica Lee Dimech (Hibernians), Alexandra Gatt (FC Pinzgau Saalfelden – Awstrija), Emma Lipman (Valletta), Georgiana Mifsud (Valletta), Valentina Rapa (Swieqi U.), Shona Zammit (Swieqi U.).

Midfielders: Jana Barbara (1. FFC Recklinghausen – Ġermanja), Brenda Borg (Valletta), Rachel Cuschieri (Genoa CFC – Italja), Maia Debono (Mġarr U.), Ema Micallef (Swieqi U.), Nicole Sciberras (Swieqi U.).

Attakkanti: Haley Bugeja (Inter Women – Italja), Yulya Carella (Mġarr U.), Nyorah Celeste (Hibernians), Maria Farrugia (Bristol City Women – Ingilterra), Jade Flask (Swieqi U.), Sara Saliba (Swieqi U.), Kailey Willis (Chievo Verona Women – Italja).

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here