Fl-aħħar sigħat tħabbret il-mewt ta’ Stefania Corna, plejer tal-volleyball minn Bergamo. Hija kellha biss 35 sena.
Il-midja Taljana qiegħda tirraporta li Corna kienet ilha tiġġieled il-mard għal xi snin.
Corna lagħbet fis-Serie A u anke libset il-flokk tat-tim nazzjonali Taljan fejn ebħet żewġ kampjonati Ewropej mat-tim nazzjonali tal-junior.
Wara li rtirat mill-isport kompetittiv, hija saret għalliema tal-Ingliż u anke kienet itella’ ħafna filmati fuq il-midja soċjali.
Matul il-karriera tagħha, hija lagħbet għal Milano, Parma, Pavia, Giaveno, Casalmaggiore, Montichiari u Scandicci.
Mat-tim nazzjonali tal-junior, hija rebħet it-titlu Ewropew fl-2006 u għal darb’oħra fl-2008. Id-debutt tagħha mat-tim nazzjonali ewlieni sar fis-7 ta’ Ġunju 2011, fil-Montreux Volley Masters, fil-partita bejn l-Italja u Kuba li ntemmet 1-3.
Corna kienet miżżewġa lill-plejer tal-volleyball Alejandro Rizo Gonzalez.
Il-funeral tagħha se jsir għada il-Ġimgħa, 9 ta’ Ottubru fl-10:00 a.m. fil-knisja ta’ San Giorgio M. f’Boltiere, fil-provinċja ta’ Bergamo.


