L-Awtorità tal-Ippjanar ħejjiet it-triq lejn sistema tal-ippjanar aktar diġitali u integrata, inkluż pjanijiet biex tintroduċi s-sottomissjoni diġitali ta’ mudelli 3D għal proġetti maġġuri, waqt il-Konferenza Annwali tagħha dwar l-Ippjanar bl-isem ta’ ‘The Future by Design’
Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol, Jonathan Attard, enfasizza li r-riżorsi limitati tal-art ta’ pajjiżna jitolbu li d-deċiżjonijiet tal-ippjanar jiġu kkunsidrati fi ħdan viżjoni nazzjonali usa’ u li l-kwalità trid tkun fil-qalba tagħhom.
“Pjanar tajjeb u arkitettura tajba għandhom jikkontribwixxu għal djar sostenibbli, komunitajiet aktar b’saħħithom, u spazji pubbliċi aħjar li jwasslu għal titjib ukoll fil-kwalità tal-ħajja”, qal il-Ministru Attard.
Filwaqt li rrefera għar-riforma tas-sistema tal-appelli tal-ippjanar, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament, il-Ministru Attard qal li din tagħmel parti minn proċess usa’ biex is-sistema tal-ippjanar f’Malta ssir aktar trasparenti u effiċjenti, u tgawdi aktar fiduċja.
Il-konferenza ġabret flimkien persuni inkarigati li jfasslu l-politika, periti u stakeholders oħra biex jesploraw kif id-disinn, l-ippjanar spazjali (spatial planning) u t-teknoloġija jistgħu jgħinu ħalli l-ambizzjonijiet fit-tul ta’ Malta jissarrfu f’postijiet u fi kwalità ta’ ħajja aħjar.
Id-Direttur tal-Awtorità tal-Ippjanar il-Perit Silvio Farrugia spjega kif l-ippjanar diġitali, l-informazzjoni ġeospazjali, mudelli 3D u l-analiżi bbażata fuq id-data jistgħu jgħinu biex jittieħdu deċiżjonijiet aħjar fl-ippjanar, filwaqt li saħaq li t-teknoloġija trid tkun imsejsa fuq viżjoni komuni fit-tul.
Il-kelliema ewlenija internazzjonali, Dr Wei Yang OBE, iffokat fuq kif ippjanar spazjali (spatial planning) integrat jista’ jgħin biex il-Viżjoni Malta 2050 tinbidel minn ambizzjoni nazzjonali għal riżultati tanġibbli għall-komunitajiet. Hija spjegat li strateġija spazjali (spatial strategy) proattiva twassal sabiex l-art tiġi użata bl-aħjar mod u jkun hemm governanza spazjali (spatial governance) iżjed integrata. Dr Yang rrakkomandat approċċ li jiġi attivat diġitalment u li jkun ibbażat fuq il-post, li l-għan tiegħu jkun li jgħaqqad l-evidenza, il-komunitajiet, it-tfassil tal-politika u l-investiment, filwaqt li jiffoka wkoll fuq il-kwalità. “Verament ħassejtni ispirata bil-viżjoni, bid-dedikazzjoni u bil-professjonalità tal-Ministeru u tal-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll dik tal-udjenza. Kif semmejt fid-diskors ewlieni tiegħi, dan huwa mument importanti għas-suċċess futur ta’ dan il-pajjiż”, qalet Dr Yang.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Johann Buttigieg, ħabbar li l-Awtorità qed taħdem biex tintroduċi s-sottomissjoni diġitali ta’ mudelli 3D għal proġetti maġġuri, bl-ewwel fażi mmirata għall-ewwel kwart tal-2027. “L-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida tfisser ukoll li nappoġġjaw lil min se jużaha. Iffaċilitajna l-aċċess għal software aġġornat, flimkien ma’ taħriġ u sapport, skambju ta’ għarfien u appoġġ tekniku”, qal is-Sur Buttigieg.
Il-konferenza ngħalqet b’sitt sessjonijiet ta’ ħidma dwar temi ewlenin tal-ippjanar, u r-rakkomandazzjonijiet u l-kwistjonijiet li tqajmu se jitressqu quddiem il-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Fost dawk preżenti għal din il-konferenza kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Ronald Mizzi.
