Żewġ kummissarji Ewropej f’Għawdex b’rabta ma’ Victoria 2031

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri laqgħu lill-Kummissarji Ewropej Glenn Micallef u Piotr Serafin fiċ-Ċittadella, fil-Belt Victoria, waqt żjara marbuta mal-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031.

Iż-żjara saret wara li, fit-23 ta’ Settembru, il-Belt Victoria ġiet irrakkomandata minn bord indipendenti Ewropew biex tingħata dan it-titlu, wara l-Belt Valletta fl-2018.

Il-Ministru Malcolm Paul Agius Galea enfasizza li l-kultura għandha tkun fil-qalba tal-iżvilupp tal-komunitajiet. “Victoria 2031 hija opportunità biex inkomplu nsaħħu l-pożizzjoni tal-kultura bħala pilastru ewlieni tal-iżvilupp ta’ pajjiżna. Bħala Gvern, nemmnu li l-investiment fil-kultura huwa investiment fl-identità tagħna, fit-talent tal-poplu tagħna u fil-potenzjal ta’ Għawdex. Din il-mixja għandha tkompli ssaħħaħ il-preżenza ta’ Malta u Għawdex fix-xena kulturali Ewropea,” sostna l-Ministru Agius Galea.

Il-Ministru Clint Camilleri saħaq fuq l-importanza li Victoria 2031 tħalli impatt fit-tul fuq il-gżira u l-komunitajiet tagħha. “Irridu niżguraw li l-2031 ma tkunx sempliċiment is-sena li fiha jibda u jintemm dan l-avveniment, iżda li tkun il-bidu ta’ legat dejjiemi li se nħallu warajna, għall-ġenerazzjonijiet futuri u għal dawk kollha li jgħixu f’din il-gżira,” sostna l-Ministru Camilleri.

Il-Kummissarju Ewropew Glenn Micallef qal: “Għawdex minn dejjem kellu identità kulturali rikka. Issa għandu opportunità straordinarja biex jaqsamha mal-bqija tal-Ewropa. Dan it-titlu għandu jiftaħ bibien għall-artisti lokali, joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jħalli legat dejjiemi għall-komunitajiet Għawdxin.”

Il-Kummissarju Ewropew Piotr Serafin qal: “Għandna raġuni tajba biex niċċelebraw. Victoria se tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2031. Il-kultura u l-wirt Ewropew huma fost l-akbar assi tagħna, li jgħaqqduna fl-għaqda fid-diversità. Bit-talent tagħkom u bl-għajnuna tal-fondi Ewropej, l-2031 se tkun sena importanti għal Victoria, Għawdex u Malta.”

Il-viżjoni An Island of Islands tħares lejn Victoria 2031 bħala opportunità biex jissaħħu r-rabtiet kulturali Ewropej u jinħolqu benefiċċji dejjiema għall-komunitajiet Għawdxin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport