Villa Sant’Injazju f’San Ġiljan li kienet taħt skrutinju konsiderevoli fil-passat ingħatat status ta’ protezzjoni ta’ Grad 2 mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA). Dan l-iskedar jenfasizza s-sinifikat storiku, arkitettoniku u kulturali tal-Villa, u jippreservaha għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Mibnija lejn l-aħħar tas-snin għoxrin tas-seklu tmintax minn John Watson, negozjant Ingliż li stabbilixxa ruħu f’Malta fil-bidu tas-seklu tmintax. Villa Sant’Injazju hija punt ta’ referenza fiż-żona tal-Balluta. Watson, li kien involut f’attivitajiet kummerċjali, għażel dan is-sit prominenti biex jibni residenza eleganti mdawra b’ġonna estensivi, stalel, għelieqi, u strutturi anċillari oħra.
Villa Sant’Injazju hija waħda mill-ewwel binjiet bi stil ta’ arkitettura tal-Qawmien Gotiku f’Malta. Il-bini huwa distint bid-disinn tas-soqfa u l-arkati bil-ponta ta’ stil Gotiku, karatteristiċi li introduċew lingwaġġ arkitettoniku ġdid għall-wirt mibni tal-gżira. Sa mill-oriġini tagħha, il-Villa kienet miżbugħa b’finitura ħamra b’burduri bojod – still estetiku distintiv li għadu jeżisti parzjalment sal-lum.
Dan l-iskedar fi Grad 2 jiżgura li l-karatteristiċi arkitettoniċi uniċi u storiċi tal-Villa, u l-identità kulturali jkunu salvagwardjati. Jenfasizza wkoll l-importanza ta’ Villa Sant’Injazju bħala parti vitali mill-wirt mibni ta’ Malta u l-kontribut tagħha għall-pajsaġġ arkitettoniku taż-żona ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema, billi hija wkoll waħda mill-ewwel bini f’San Ġiljan li għadu jeżisti sal-lum.
Aktar kmieni din is-sena, l-Awtorità tal-Ippjanar tat permess għall-iżvilupp biex il-Villa tiġi restawrata u tingħata ħajja ġdida bħala lukanda. Filwaqt li l-bini jiġi adattat għal użu aktar modern u kompatibbli, uħud mix-xogħlijiet jinkludu r-restawr tal-istrutturi storiċi eżistenti, ir-restawr tat-taraġ ta’ barra u karatteristiċi tal-ġebel, u l-estensjoni tal-faċċata tal-Villa fi Triq Scicluna, it-twaqqigħ ta’ żidiet, u ż-żieda ta’ sulari rtirati fuq il-Villa.