L-Eċċellenza Tagħha, President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, għamlet żjara fil-kwartieri ġenerali tal-Malta Football Association nhar l-Erbgħa, fejn iltaqgħet mal-ogħla uffiċjali tal-Assoċjazzjoni, l-imsieħba tagħha kif ukoll ma’ diversi selezzjonijiet tat-timijiet nazzjonali.
L-avveniment immarka waħda mid-dati ewlenin fil-kalendarju taċ-ċelebrazzjonijiet tal-125 anniversarju tal-Assoċjazzjoni, bl-2025 tkun sena li fiha l-Malta FA qed tiċċelebraw l-fondazzjoni tagħha.
Wara l-wasla tagħha, l-ET Spiteri Debono ħadet sehem f’laqgħa mal-ogħla uffiċjali tal-Assoċjazzjoni biex tiddiskuti numru ta’ inizjattivi u avvenimenti ewlenin li l-Malta FA għandha lesta għal din is-sena.
Il-President ta’ Malta mbagħad iltaqgħet mal-impjegati amministrattivi tal-Malta FA, qabel ma żaret ukoll il-Mużew tal-Football ta’ Malta, biex tagħti ħarsa aktar profonda lejn l-istorja rikka tal-football domestiku.
Wara, it-team nazzjonali tan-Nisa flimkien mal-istaff taċ-Ċentru Tekniku kellhom l-opportunità jiltaqgħu mal-ET Spiteri Debono. Dan kien segwit minn laqgħa mat-team nazzjonali tas-Subien ta’ Taħt is-17-il sena qabel il-kampanja ta’ kwalifikazzjoni tagħhom għall-Kampjonat Ewropew 2025.
Fid-diskors tiegħu għal din l-okkażjoni, il-President tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, irrimarka li huwa ta’ unur li kien qed jilqa’ lill-President ta’ Malta fil-Kumpless tal-Football, f’Ta’ Qali, għall-ewwel darba.
“Iż-żjara tal-lum tkompli tgħolli l-valur u l-kwalitá ta’ dak li dejjem kien essenzjali fl-istorja tal-Malta FA, dik tal-għaqda bejn in-nies u l-missjoni li tkompli taħdem mal-komunità permezz tal-football,” żied jgħid.
Huwa enfasizza kif l-Assoċjazzjoni saret rikonoxxuta kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment bħala organizzazzjoni li hija diliġenti, inklussiva, u li għandha valuri tajbin, filwaqt li f’dak li għandu x’jaqsam mal-isport, il-Malta FA dejjem tat opportunitajiet lil kulħadd, irrispettivament mill-isfond rispettiv tiegħu.
Waqt li kienet qed tindirizza lill-uffiċjali tal-MFA, il-President fakkrithom li l-ħidma tagħhom tifforma parti integrali fil-promozzjoni ta’ Malta u l-valuri tagħha. Il-President, Myriam Spiteri Debono, indirizzat ukoll lit-team nazzjonali Malti tan-Nisa, u lit-team nazzjonali tas-subien ta’ Taħt is-17-il sena, fejn faħħrithom għar-riżultati pożittivi u ddeskriviethom bħala l-ambaxxaturi ta’ Malta, kemm lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali.
Il-kalendarju sħiħ tal-avvenimenti biex jiċċelebraw il-125 anniversarju tal-Malta FA jinsab fuq is-sit elettroniku tal-Malta FA.