Sunday, December 22, 2024

L-ebda tim ma jirbaħ kampjonat mingħajr ħafna impenn, sagrifiċċji, u dedikazzjoni – Matthias Said

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol żgur li bdiet mill-fatt li kemm missieri, iz-ziju u anke oħrajn qrib tiegħi għandhom ħafna għal qalbhom il-futbol. Sa minn etá żgħira kont parti minn nursery ta’ Nadur Youngsters u żgur li dik kompliet tgħinni nħobb il-logħba tal-futbol.

X’tahseb li kien is-sigriet wara s-suċċess li ksibtu meta sirtu champions tal-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni f’Ghawdex?

L-ebda tim ma jirbaħ kampjonat mingħajr ħafna impenn, sagrifiċċji, u dedikazzjoni. It-tim tagħna jekk xejn kellu ħafna elementi li għenuh jasal s’hawn, fosthom plejers fost l-aqwa fil-gżira t’Għawdex, plejers barranin li għamlu d-differenza, u anke l-opportunitá lill-plejers Nadurin li jkunu parti mit-tim. Dan ovvjament kien kumplimentat minn kowċis li ħadmu ħafna u kumitat li ma waqafx jgħin u jistinka.

X’tikkummenta fuq il-kowċ ta’ Nadur Youngsters, Elton Vella?

Il-kowċ Elton Vella ngħaqad man-Nadur għall-ewwel darba u żgur li fis-snin li għaddew, wieħed seta’ jammira l-grinta u kemm iħobb il-logħba meta kien kowċ ma’ timijiet oħra. Issa kellna ċ-ċans naħdmu miegħu u huwa rnexxielu jgħaqqadna minkejja ħafna diffikultajiet, jaħdem magħna mhux biss fit-taħriġ u fil-logħob, u wassalna biex id f’id nirbħu l-kampjonat.

U fuq il-kumitat ta’ Nadur Youngsters immexxi mill-president Dr Chris Said?

Jiena ċert li l-kumitat huwa fost l-aktar elementi importanti wara dan it-tim, fejn grazzi għall-president Dr Chris Said, li ma jiqafx ġurnata joħlom u jaħdem, u tim mimli enerġija mdawwar miegħu, raw kif għamlu sabiex jinbena t-tim, jinġabru l-fondi meħtieġa, iżommuna magħqudin flimkien u motivati, u nemmnu fl-arma ta’ Nadur Youngsters li konna nġorru fuq sidirna.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk fil-kampjonat Għawdxi?

Differenza ikun hemm dejjem f’kull kampjonat, peró, ma jfissirx li plejer ma’ tim li ġie n-naħa ta’ isfel tal-klassifika mhux kapaċi jagħmilha ma’ tim fin-naħa ta’ fuq. Ma jistax jirbaħ kulħadd u ovvjament il-plejers, il-baġit, u anke l-istruttura wara l-klabb tgħin ħafna biex tagħmel distinzjoni bejn klabb u ieħor.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Għawdxin?

Jista’ jkun iva li jkun hemm plejers barranin li ma jagħmlux differenza jew ma jkunux aqwa minn plejers Għawdxin. Għandna xorti li gżira żgħira bħalma hi Għawdex taf tipprovdi plejers tajbin. Plejer barrani, aktar u aktar meta ma jkunx lagħab Għawdex, dejjem ikun kaxxa magħluqa.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Kampjonat Għawdxi?

Il-faċilitajiet mhumiex l-aqwa possibli peró wieħed jifhem li r-riżorsi f’Għawdex mhumiex ir-riżorsi ta’ pajjiżi oħra. Dejjem hemm x’jitjieb, peró żgur li hemm ħafna li dejjem jippruvaw itejbu l-kundizzjonijiet. Huwa sabiħ kieku għandna l-aqwa livelli ta’ grawnds u faċilitajiet peró aħjar tkun realistiku u taddatta minflok toħlom ċerti affarijiet li kultant ikunu impossibli.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fil-Kampjonat Għawdxi?

Bħal kull logħba u sport ieħor, u bħal kull pajjiż u kampjonat ieħor, kulħadd ikollu l-opinjoni tiegħu dwar ir-referis, u min jaqbel u min ma jaqbilx. Imma ħafna drabi għax kulħadd ikun irid l-aħjar għan-naħa tiegħu. Nemmen li kull referi jipprova jagħmel l-aqwa għax wara kollox hemm ir-reputazzjoni fin-nofs, u aħna dmirna huwa li nirrispettawhom u ngħinuhom ikunu imparzjali.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudji tiegħek u mal-futbol?

Jiena bħalissa student u ovvjament ikolli ħafna skariġġ sabiex inlaħħaq mal-istudju u t-tagħlim f’Malta, u taħriġ u logħob f’Għawdex. Peró, mingħajr sagrifiċċju ma isir xejn, u llum tgħallimt naħdem bil-prioritajiet u nagħti kollox għal dak li verament inħobb.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Għadni żgħir fl-etá u nittama li jkolli karriera twila mingħajr ħafna injuries. Nemmen fil-potenzjal tiegħi u f’dak li nista’ nagħti differenti fil-futbol, peró, nipprova dejjem inżomm saqajja mal-art. Nittama u nixtieq li jkolli karriera b’ħafna gowls u anke nassisti għal ħafna gowls, li ovvjament huma parti kbira mis-sodissfazzjon tal-logħba li nilgħab.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

L-ebda tifel u tifla m’għandhom jaqtgħu qalbhom ghax l-izvilupp personali u fil-loghba huma xi haga li ma tispjegax. L-importanti li tkun moħħok hemm, tipprova tibqa’ motivat, issib tim li fih tħossok milqugħ u kowċ li jemmen fil-potenzjal tiegħek, u tahdem u tistinka kemm tiflaħ!

Ekonomija

Sport