Wara li ntemm il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-Rapport Strateġiku tal-Pensjonijiet għall-2025, li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’Diċembru li għadda, il-Gvern, kif anke hemm imwiegħed fil-Manifest Elettorali, qiegħed jiggarantixxi li mhu se jkun hemm ebda żieda, la fl-età tal-irtirar u lanqas fir-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja Michael Falzon, waqt li kkonferma dan, tenna li dan il-Gvern xorta se jibqa’ jsaħħaħ il-pensjonijiet permezz ta’ diversi miżuri ppjanati tul din il-leġislatura, u dan se jissokta mill-Budget li ġej.
Fost dawn il-ħafna miżuri, huwa semma ż-żieda ta’ €50 fil-ġimgħa imqassma tul il-leġislatura kollha, l-aġġustament fil-pensjoni tar-romol li mis-sena d-dieħla se tkun ekwivalenti għall-pensjoni li kieku jkollu l-konjuġi kieku għadu ħaj, il-Bonus tal-Għoli tal-Ħajja li mis-sena d-dieħla se jkun l-istess għal kulħadd, u ż-żieda fid-Dħul Pensjonabbli Massimu li sal-2028 se jkun l-istess għal kulħadd, twieled meta twieled.
Dawn huma ftit biss mill-bosta miżuri soċjali li se jkunu qed jitwettqu matul il-5 snin li ġejjin, mhux biss għall-pensjonanti u anzjani, iżda wkoll għall-familji, tfal, persuni b’diżabilità u persuni vulnerabbli oħra.
Il-Ministru Michael Falzon ikkonferma wkoll li fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-rapport strateġiku tal-pensjonijiet, daħlu 14-il sottomissjoni, 6 minn għaqdiet, 2 minn kumpaniji privati u 6 oħra minn individwi.
Il-Ministru Falzon sostna li dan ir-rispons kien ikkunsidrat mill-Grupp Strateġiku tal-Pensjonijiet, immexxi mis-Segretarju Permanenti Mark Musu, li issa qed jifformola r-rakkomandazzjonijiet finali lill-Gvern, liema rakkomandazzjonijiet jeskludu żieda fl-età tal-irtirar jew żieda fir-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali.
Il-Ministru Falzon temm jgħid li dan huwa possibbli grazzi għall-ekonomija u finanzi b’saħħithom li għandu pajjiżna tant li fl-aħħar rapport strateġiku kien ikkonfermat li kien hemm titjib konsiderevoli, kemm fl-adegwatezza u kif ukoll fis-sostenibbiltà tas-sistema tal-pensjonijiet tagħna.

