Saturday, December 21, 2024

L-Edukazzjoni f’Beltna

Tikteb Noyah Spiteri Hammett - Viċi Sindku Bormla

Aqra wkoll

“People living in Bormla have lowest education in Malta.” Dak kien titlu t’artiklu li ftit ta’ ġranet ilu ġie ppubblikat wara li ħarġet statistika mill-NSO li n-nies ta’ Bormla għandhom l-inqas livell t’edukazzjoni f’Malta. Titlu li personalment lili verament weġġgħani. Tgħiduli dik hi r-realtà li għandek taċċetta għax hemm il-figuri jitkellmu waħidhom. Iżda aktar milli naċċetta r-realtà jien nagħżel li ndur dawra madwari u nara daqsxejn jekk dawn għandhomx raġun jew le.

Kieku rrid nista’ nibda nfakkar li dan mhux minnu għax minn ġo Bormla ħarġu l-aqwa nies u nibda nsemmi lill-Perit Mintoff, Ugo Mifsud Bonnici, Karmenu Mifsud Bonnici, etċ… Però nippreferi nitkellem dwar il-preżent għax ma rridx li nifthiem li qed inkun imwaħħla mal-passat peress li qed ngħixu fl-2024 u forsi ż-żminijiet inbidlu. Huwa minnu li l-figuri urew li l-maġġoranza tat-tfal tagħna qegħdin jieqfu mill-iskola wara li jtemmu l-ħames sena tas-sekondarja. S’hawnhekk qbilna. Iżda x’qed jagħmlu dawn it-tfal li jieqfu mill-iskola? U x’inhi r-raġuni li ma jibqgħux jistudjaw?

Nemmen li r-raġuni prinċipali hija li dawn iż-żgħażagħ ikunu jridu jmorru jaħdmu. Kulħadd jaqbel miegħi li llum il-ġurnata qed ngħixu f’soċjetà fejn ħadd ma jrid ikun inqas minn ħaddieħor. Biżżejjed tidħol ftit fuq il-midja soċjali u sfortunatament ħafna żgħażagħ qegħdin ikunu influwenzati minn dan. Raġuni oħra nemmen li hi l-pressjoni li tista’ tinħoloq biex wieħed ikompli jistudja. Kulħadd jaf kemm l-eżamijiet huma impenjattivi u kemm jirrikjedu sigħat ta’ sagrifiċċju. Hawnhekk il-mistoqsija tiegħi tiġi oħra… kemm minn dawn iż-żgħażagħ qegħdin ikomplu s-sentejn tas-sixth form u jaslu għall-università? Jista’ jkun li dawn qed isibu toroq alternattivi fejn jiġu offruti xogħlijiet li minnhom qed jiġu mħarrġa u jkomplu l-edukazzjoni tagħhom b’dan il-mod filwaqt li jaħdmu? Iva nemmen f’dan mija fil-mija!

Ma naqbilx li l-edukazzjoni tieqaf meta tispiċċa s-sekondarja jew biex tkun persuna edukata għandek bilfors tkun iggradwat mill-Università. L-edukazzjoni mhijiex xi ħaġa li tirċeviha fuq il-bankijiet tal-iskola biss, iżda fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum. Niltaqa’ ma’ bosta nies li mhumiex maniġers jew tobba jew avukati li jgħallmuni ħafna f’ħajti u ħafna minn dawn in-nies niltaqa’ magħhom ġo Belti. Dan l-aħħar iltqajt ma’ frazi miktuba minn xi ħadd Taljan anonimu li kienet tgħid hekk: L-umiltà tgħid li biex togħla fil-livell, hemm bżonn li tinżel minn fuq il-pedestall. Iva nemmen li ħafna huma l-kwalitajiet u abilitajiet li neċċelaw fihom aħna l-Bormliżi u jagħmlulna unur… fosthom l-sports, biss biss insemmu r-regatta tradizzjonali, il-biljard u anke s-subbuteo li fihom isem Beltna jissemma anke barra minn xtutna. U xi ngħidu għax-xogħlijiet manwali li ħafna minnhom m’għadhomx meqjusa bħala edukattivi iżda mingħajrhom il-pajjiż imur lura, fosthom xogħol ta’ mekkanik u mastrudaxxa. Għandna nies li għalkemm ma jeċċellawx fl-iskola dak li jaraw għajnejhom jagħmluh idejhom. Għandna nies li komplew karriera fil-kitba ħafna snin wara li waqfu mill-iskola u li llum jippubblikaw diversi kotba bil-lingwa tagħna. Niltaqa’ ma’ familji li kienu kapaċi jiftħu business għal rashom u Alla jbierek irnexxew u ma’ tfajliet li komplew jieħdu l-korsijiet għal rashom u llum fetħu ħwienet b’servizzi ta’ sbuħija. Għalhekk b’wiċċi minn quddiem ngħid li le ma naqbilx mat-titlu ta’ dak l-artiklu.

U x’qed nagħmlu aħna bħala kunsill biex nagħtu spinta lill-edukazzjoni? Nistieden lil min kiteb dak l-artiklu u lil min iqis lil beltna bħala post bl-inqas edukazzjoni biex jiġi jsegwi mill-viċin l-attivitajiet li norganiżżaw għat-tfal u ż-żgħażagħ fejn l-attendenza iktar ma tmur iktar qed tikber fosthom Naqraw u niktbu ktieb li qed tiġi organiżżata kull sena. L-attività tal-Milied li fiha ndaħħlu wkoll element t’edukazzjoni bħal quiz edukattiv fejn it-tfal jieħdu gost iweġbu u jipparteċipaw u jingħataw kotba bħala rigal. Hemm is-short play festival li din is-sena ħadt ħsiebu jien u segwejtu mill-viċin ħafna. Hemm trid tara l-organiżżazjoni u s-suċċess li jagħmel sena wara sena. U xi ngħidu għall-festa tant sabiħa li nafu norganiżżaw aħna l-Bormlżi. Hawnhekk ukoll iż-żgħażagħ tagħna qed jaħdmu qatigħ biex jibqa’ jiġġedded dak li missirijietna tant ħadmu għalih u filwaqt li jieħdu gost joħolqu wkoll features edukattivi li jfakkru fl-istorja ta’ Beltna.

Nittama li lkoll naqblu li minn Bormla mhux fil-passat biss ħarġu nies kbar, iżda għandna niftaħru nsemmu isem Beltna b’wiċċna minn quddiem u ma nħallu lil ħadd ikasbar isimha, għax iva Bormla kienet, għadha u tibqa’ Belt li minnha dejjem hemm biex tkun kburi.

Ekonomija

Sport