Monday, December 9, 2024

Att storiku dwar l-Intelliġenza Artifiċjali

Il-Parlament Ewropew b’liġi li tissalvagwardja, tillimita u tipproteġi

Aqra wkoll

L-Intelliġenza Artifiċjali (AI) hija t-teknoloġija ferm avvanzata li qiegħda tinfirex u tevolvi b’passi ta’ ġgant li hemm tħassib li għad twassal għal sfidi ġodda. Għal dan il-għan il-Parlament Ewropew għadu kemm adotta liġi storika li bih se jkun hemm salvagwardji dwar l-intelliġenza artifiċjali bi skop ġenerali; limiti fuq l-użu ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika mill-korpi ta’ infurzar tal-liġi; projbizzjonijiet fuq il-punteġġ għaċ-ċittadini u l-AI li tintuża biex timmanipula jew tisfrutta l-vulnerabbiltajiet tal-utenti; kif ukoll id-dritt tal-konsumaturi li jniedu lmenti u jirċievu spjegazzjonijiet sinifikanti.

Nhar l-Erbgħa l-Parlament approva l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali bil-għan li jiżgura s-sikurezza u l-konformità mad-drittijiet fundamentali, filwaqt li jagħti spinta lill-innovazzjoni. Ir-regolament, maqbul f’negozjati mal-Isstati membri f’Diċembru li għadda kien ġie approvat mill-MPE b’523 voti favur, 46 kontra u 49 astensjoni.

Dan għandu l-għan li jipproteġi d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u s-sostenibbiltà ambjentali minn IA b’riskju għoli, filwaqt li jagħti spinta lill-innovazzjoni u jistabbilixxi lill-Ewropa bħala mexxejja f’dan il-qasam. Ir-regolament jistabbilixxi obbligi għall-IA abbażi tar-riskji potenzjali tagħha u l-livell ta’ impatt.

Applikazzjonijiet ipprojbiti

Ir-regoli l-ġodda jipprojbixxu ċerti applikazzjonijiet tal-IA li jheddu d-drittijiet taċ-ċittadini, inklużi sistemi ta’ kategorizzazzjoni bijometrika abbażi ta’ karatteristiċi sensittivi u scraping mhux immirat ta’ immaġnijiet tal-wiċċ mill-internet jew filmati tas-CCTV biex jinħolqu bażijiet ta’ data tar-rikonoxximent tal-wiċċ. Ir-rikonoxximent tal-emozzjoni fuq il-post tax-xogħol u fl-iskejjel, il-punteġġ għaċ-ċittadini, il-policing predittiv (meta jkun ibbażat biss fuq it-tfassil ta’ profili ta’ persuna jew il-valutazzjoni tal-karatteristiċi tagħha), u l-IA li timmanipula l-imġiba tal-bniedem jew tisfrutta l-vulnerabbiltajiet tan-nies se jkunu pprojbiti wkoll.

Eżenzjonijiet għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi

Bħala prinċipju, l-użu ta’ sistemi ta’ identifikazzjoni bijometrika (RBI) mill-korpi ta’ infurzar tal-liġi huwa pprojbit, ħlief f’sitwazzjonijiet elenkati b’mod eżawrjenti u definiti b’mod ristrett. RBI “f’ħin reali” jista’ jintuża biss jekk jiġu ssodisfati salvagwardji stretti, eż. l-użu tiegħu ikun limitat fiż-żmien u fl-ambitu ġeografiku u jkun soġġett għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja jew amministrattiva speċifika minn qabel. Tali użi jistgħu jinkludu, pereżempju, tfittxija mmirata ta’ persuna nieqsa jew il-prevenzjoni ta’ attakk terroristiku. L-użu ta’ sistemi bħal dawn post-facto (“RBI remot f’ħin aktar tard”) jitqies bħala każ ta’ użu b’riskju għoli, li jirrikjedi li l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja tkun marbuta ma’ reat kriminali.

Obbligi għal sistemi b’riskju għoli

Huma previsti wkoll obbligi ċari għal sistemi oħra tal-IA b’riskju għoli (minħabba l-ħsara potenzjali sinifikanti tagħhom għas-saħħa, is-sikurezza, id-drittijiet fundamentali, l-ambjent, id-demokrazija u l-istat tad-dritt). Eżempji ta’ użi tal-IA b’riskju għoli jinkludu l-infrastruttura kritika, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-impjiegi, is-servizzi privati u pubbliċi essenzjali (eż. kura tas-saħħa, servizzi bankarji), ċerti sistemi fl-infurzar tal-liġi, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, il-ġustizzja u l-proċessi demokratiċi (eż. l-influwenzar tal-elezzjonijiet). Sistemi bħal dawn għandhom jivvalutaw u jnaqqsu r-riskji, iżommu reġistri tal-użu, ikunu trasparenti u preċiżi, u jiżguraw is-sorveljanza mill-bniedem. Iċ-ċittadini se jkollhom id-dritt li jressqu lmenti dwar is-sistemi tal-IA u jirċievu spjegazzjonijiet dwar deċiżjonijiet ibbażati fuq sistemi tal-IA b’riskju għoli li jaffettwaw id-drittijiet tagħhom.

Rekwiżiti ta’ trasparenza

Is-sistemi tal-IA bi skop ġenerali (GPAI), u l-mudelli tal-GPAI li huma bbażati fuqhom, iridu jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ trasparenza inkluż il-konformità mal-liġi tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur u l-pubblikazzjoni ta’ sommarji dettaljati tal-kontenut użat għat-taħriġ. Il-mudelli tal-GPAI li jkunu aktar b’saħħithom u li jistgħu joħolqu riskji sistemiċi se jkollhom jissodisfaw rekwiżiti addizzjonali, inkluż it-twettiq ta’ evalwazzjonijiet tal-mudelli, il-valutazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi, u r-rappurtar dwar l-inċidenti.

Barra minn hekk, immaġnijiet, kontenut ta’ awdjo jew vidjo artifiċjali jew manipulat (“deepfakes”) jeħtieġ li jiġu ttikkettati b’mod ċar bħala tali.

Miżuri ta’ appoġġ għall-innovazzjoni u l-SMEs

L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorja u l-ittestjar fid-dinja reali se jkollhom jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali, u jsiru aċċessibbli għall-SMEs u n-negozji ġodda, biex tiġi żviluppata u mħarrġa IA innovattiva qabel it-tqegħid tagħha fis-suq.

Il-passi li jmiss huma li r-regolament għadu soġġett għal verifika finali tal-ġuristi lingwisti u huwa mistenni li jiġi adottat sa tmiem tal-leġiżlatura. Il-liġi għad trid tiġi adottata formalment mill-Kunsill ukoll.

Ir-regolament jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-ġurnal uffiċjali u jkun applikabbli bis-sħiħ 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, ħlief għal: projbizzjonijiet fuq prattiki pprojbita, li se jibdew japplikaw sitt xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ; kodiċijiet ta’ prattika (disa’ xhur wara d-dħul fis-seħħ); regoli tal-IA bi skop ġenerali inkluża l-governanza (12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ); u obbligi għal sistemi b’riskju għoli (36 xahar).

Ekonomija

Sport