Saturday, December 21, 2024

L-EDUKAZZJONI “TEKNIKA”

Aqra wkoll

Nittama li m’hemmx ħafna bħali li jinsabu konfużi dwar il-qagħda ta’ dik li kienet tissejjaħ l-edukazzjoni “teknika”. Bilfors ma rnexxilix naġġorna ruħi mal-bidliet u r-riformi li twettqu f’dal-qasam.

Fl-imgħoddi, b’mod jew ieħor, żgħażagħ kienu jitħarrġu tajjeb fi snajja tal-inġinerija bażika, elettrika u mekkanika, u wara anke f’dik elettronika. It-taħriġ kien jingħata f’istitut tekniku, fi skola  li kienet titmexxa bi sħubija ma’ istitut Svizzeru u fuq kollox fit-tarznari. L-apprendisti u l-istudenti ma kinux ikomplu sal-livelli akkademiċi imma kien ikollhom knowhow tekniku liema bħalu.

Matul is-snin, it-teknika involuta għamlet progress sostanzjali. It-taħriġ kellu jiżviluppa bl-istess mod. Imma kemm baqa’ interess f’din it-tip ta’ edukazzjoni? X’importanza qed tingħatalha lil hinn mill-kumpaniji li  jsewwu l-ajruplani? Veru li mhux qed jersqu biżżejjed studenti Maltin f’dal-qasam? Li faċilitajiet tat-taħriġ huma nieqsa? Li mhemmx inċentivi biżżejjed? U li anke hawn, qed ikollna nirrikorru għal ħaddiema barranin?

IL-GVERN ĠERMANIŻ

Fl-aħħar ġimgħat baqgħet tiżdied l-ispekulazzjoni dwar x’se jiġri mill-gvern Ġermaniż ta’ koalizzjoni bejn is-soċjalisti, il-liberali u l-ħodor. Fi ħdan il-partiti msemmija, baqa’ jikber id-dwejjaq. Tnejn (is-soċjalisti u l-ħodor) bidlu l-amministrazzjoni għolja tagħhom f’ċaqliqa li qed titqies bħala tħejija għall-elezzjoni federali riesqa. Il-problema tal-partiti fil-gvern hi li l-ekonomija Ġermaniża tqalet.  

Sadattant, il-lemin estrem ikkonsolida sew il-pożizzjoni tiegħu waqt li ċ-ċentru-lemin għalkemm jinsab minn fuq, mhuwiex iżid fl-appoġġ. Ir-riskju mhuwiex żgħir li l-Ġermanja tinqabad bħal Franza dan l-aħħar, f’ċirku politiku vizzjuż ta’ manuvrar ċass. Milli jidher uħud fiiċ-ċentru lemin qed jittamaw li wara l-elezzjoni, ikunu jistgħu jagħmlu koalizzjoni “kbira” mas-soċjalisti, fejn tal-aħħar ikunu s-sieħeb iż-żgħir.

MEMBRI F’UNJIN

Li rappreżentanti tas-settur privat iħossuhom skomdi quddiem proposti biex jiddaħħlu aktar ħaddiema fit-trejd unjins wieħed jifhimha. Madankollu, fl-imgħoddi ltqajt ma’ sidien li qaluli kif kienu jippreferu jaħdmu ma’ unjin fir-relazzjonijiet industrijali tagħhom għax b’hekk setgħu jmexxu l-azjenda tagħhom b’mod aktar stabbli. 

Biss, uħud minn dawn ir-rappreżentanti issa qed jaqgħu fl-estrem li jlaqqmu l-inizjattiva tal-gvern biex tidħol ċerta awtomatiċità fl-isħubija ta’ ħaddiema f’unjin bħala waħda li se ġġibna allineati mal-Korea ta’ Fuq. Din hi esaġerazzjoni bla sens.

L-interess tal-gvern fl-inizjattiva hu leġittimu u ġustifikat, għal raġunijiet soċjali u ekonomiċi. Dwar tal-aħħar – l-inizjattiva għandha tgħin biex twassal għal dak li kulħadd jippriedka favuru: il-bżonn li l-ekonomija tagħna tkabbar il-produttività u l-valur miżjud tagħha. Dwar il-ħtieġa soċjali tal-miżura proposta ftit hemm xi tgħid: hi evidenti.

Il-gvern qed jagħmel tajjeb li jara kif se jikkalibra dak li jixtieq iwettaq f’dal-qasam skond iċ-ċirkostanzi attwali tal-pajjiż. 

Ekonomija

Sport