Friday, December 20, 2024

“L-ekonomija Maltija seta’ ġralha bħall-kumpanija NOKIA kieku m’għarfitx tadatta ruħha”

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni jgħid li qed jipproponu ekonomija li tagħti valur lill-kwalità fuq il-kwantità

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri qabbel il-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna mas-sitwazzjoni tal-kumpanija Nokia. Schembri qal li 10 snin ilu l-għajta tal-Partit Laburista kienet li se jnaqqas il-kontijiet tal-enerġija, miżura li mhijiex biss miżura soċjali, iżda għenet biex l-ekonomija ta’ pajjiżna tibqa’ waħda reżiljenti. 

Waqt id-dibattitu dwar il-mudell tat-tkabbir ekonomiku mtella’ mill-MIM, il-Ministru fakkar dwar is-suċċessi tal-kumpanija Nokia mal-10 snin ilu meta ħafna min-nies li kont tkellem, inkluż f’pajjiżna kienu jgħidulek li għandhom mobile tad-ditta Nokia, iżda għax il-kumpanija ma adattatx għat-tibdil u l-ħtiġijiet tal-klijent illum naqqset drastikament fil-fama tagħha sakemm spiċċat biegħet l-assi tagħha fejn jidħlu l-mobiles. 

Schembri qal li l-istess kien jiġri lil pajjiżna li kieku l-poplu waqa’ għall-kritika tal-Oppożizzjoni li kienet rat bħala impossibbli li jonqsu l-kontijiet. Kompla biex jgħid li għax il-poplu emmen lill-Partit Laburista, illum għandna l-inqas rata ta’ qgħad riżultat ta’ tnaqqis fil-burokrazija u l-provvediment ta’ inċentivi li għenu biex kumpaniji setgħu jiffukaw fuq setturi partikolari.

Rigward il-budget allokat għas-sena li ġejja, il-Ministru Schembri nnota li hemm €100 miljun diretti għal investiment fid-diġitalizzazzjoni u l-ambjent.

Il-Ministru temm jgħid li pajjiżna għandu mudell ekonomiku robust li provda riżultati eċċellenti fl-aħħar deċenju tant li baqa’ jikklassifika fost l-ewwel pajjiżi bl-akbar tkabbir ekonomiku.

“Qed nipproponu ekonomija li tagħti valur lill-kwalità fuq il-kwantità” – Jerome Caruana Cilia

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia nnota kif il-livell ta’ tkabbir ekonomiku se jibqa’ wieħed b’saħħtu anke għaż-żmien li ġej kif irrimarkat il-Kummissjoni Ewropea. Qal li dak li l-Oppożizzjoni ma taqbilx dwaru huwa l-mod kif dan it-tkabbir qed jinkiseb u semma l-kostruzzjoni u l-influss bla preċedent ta’ ħaddiema barranin.

Caruana Cilia qal li l-Oppożizzjoni qiegħda tippreżenta viżjoni li żżomm dan il-livell ta’ tkabbir, b’ekonomija li tagħti valur lill-kwalità fuq il-kwantità. Viżjoni li qal li tħares lejn industriji ta’ suċċess bħalma huma l-avjazzjoni, il-gaming u s-settur tal-farmaċewtika fost l-oħrajn.

Huwa tenna wkoll li “nemmnu fit-talent lokali. Nemmnu wkoll li rridu nżidu l-livelli ta’ produttività.”

Ekonomija

Sport