Sunday, May 5, 2024

Ekonomija reżiljenti li teħtieġ sforz kollettiv għal aktar kisbiet fil-futur

Il-President tal-MIM jisħaq dwar l-ippjanar għal ekonomija ta’ suċċess fil-ġejjieni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ir-reżiljenza huwa timbru li pajjiżna rnexxielu jħaddan matul is-snin. Huwa t-timbru li dejjem iddistingwa lil pajjiżna bl-episodji tal-pandemija u l-kunflitti tal-Ukrajna u dak tal-Lvant Nofsani fost l-aktar riċenti jikkonfermaw dan kollu. Qal dan il-President tal-Istitut Malti għall-Management (MIM) Omar Vella fil-ftuħ tad-dibattitu dwar it-tkabbir ekonomiku preżenti ta’ pajjiżna u dak tal-futur. 

Vella kompla biex jgħid li d-dinja ġiet milquta minn sfidi kbar f’dawn l-aħħar snin u dan kollu kellu effett qawwi f’perjodu qasir ta’ żmien. Sostna li l-isfidi għadhom hemm u ċertament li mhuwiex iż-żmien li niċċelebraw vittorja, aktar u aktar meta nifhmu l-kuntest ta’ pajjiżna fi sfond internazzjonali li minnu nniffsu qiegħed joffri sfidi kbar. 

Fejn tidħol l-inflazzjoni u anke l-politika monetarja, Vella qal li dawn wasslu biex kien hemm tnaqqis globali ta’ diversi ekonomiji u dan wassal biex jonqsu l-profitti f’setturi varji. Huwa kompla biex jgħid li rridu naħdmu biex tiżdied il-produttività filwaqt li nżommu l-inflazzjoni taħt kontroll. Il-kunflitti fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani qegħdin ikomplu jitfgħu piż fuq dan ix-xenarju kollu. Żied biex jgħid li huwa f’dan il-kuntest ta’ instabbiltà li l-pajjiż jeħtieġ li jkompli miexi ’l quddiem u għalhekk jeħtieġ li dan isir billi pajjiżna jkollu pjan bl-għanijiet li jilħaq il-miri tiegħu ta issa u għall-futur. 

“Ta’ min wieħed jinnota t-tkabbir b’saħħtu li esperjenzat l-ekonomija ta’ Malta meta mqabbel ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea. Madanakollu pajjiżna qiegħed jaffaċċja wkoll sfidi relatati mal-mudell tat-tkabbir ekonomiku li mhuwiex sostenibbli u suq tax-xogħol li mhuwiex isib biżżejjed ħaddiema”, tenna Vella.

B’referenza għas-sitwazzjoni tal-Air Malta, Vella qal li din turina li l-inevitabbli ma jistax jiġi pospost b’mod indefinit u li f’ħin jew ieħor l-kumpanija kellha tieħu miżuri differenti milli kieku aġixxiet qabel. Hawnhekk huwa saħaq dwar l-importanti li nifhmu x’qalet l-IMF fl-aħħar rapport tagħha b’rabta mal-ħtieġa li nibnu ekonomija robusta kemm għalissa u anke għall-ġejjieni. Dan jista’ jsir b’investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni u billi nattiraw niċeċ ekonomiċi ġodda li jgħollu l-valur tagħna. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-merkanzija impurtata lejn pajjiżna mistennija wkoll tkompli żżid dawn l-isfidi.

Tkellem ukoll dwar il-kwistjoni ta’ pajjiżna li bħalissa għandu fejn jidħol bilanċ bejn il-kwalità u l-kwantità, anke fejn jidħlu l-ħaddiema b’mod speċjali dawk li jinġiebu minn barra.

Huwa staqsa jekk hemmx bżonn ta’ mudell ekonomiku ġdid jew jekk għandux jiġi rivedut dak eżistenti. Żied jinnota li jkun tajjeb li nikkonsolidaw dak li rnexxielna niksbu għax il-bażi tal-ekonomija tagħna hija waħda b’saħħitha u dan kien konfermat fl-aħħar jiem mill-Aġenzija tal-kreditu internazzjonali Moody’s li kkonfermat rating ta’ A2 bi prospetti stabbli għal pajjiżna.

Il-President tal-MIM tenna li l-viżjoni ekonomika tal-gvern fuq medda t’10 snin, l-istrateġija għas-servizzi finanzjarji, l-istrateġija tat-Turiżmu u l-politika tal-avjazzjoni li jinkludu l-ideat neċessarji biex pajjiżna jkompli jeċċella. Huwa sostna dwar il-kisbiet li pajjiżna rnexxielu jagħmel f’industriji kbar bħalma huma l-gaming u l-avjazzjoni u l-bżonn li pajjiżna jibqa’ jaqdi l-irwol tiegħu biex l-ekonomija Maltija tkompli timbotta minn ta’ quddiem, tikseb aktar u fuq kollox toffri reżiljenza quddiem l-isfidi eżistenti.

“Iżda t-triq ’il quddiem ma tistax tinkiseb mingħajr l-isforz kollettiv bejn l-industrija, il-Gvern, l-Oppożizzjoni u l-imsieħba kollha”, temm jgħid Vella.

Sport