Sunday, November 24, 2024

L-ekonomija tar-Renju Unit qed tirkupra

Aqra wkoll

L-ekonomija tal-Gran Brittanja ħadet pass eqreb lejn il-ħruġ tagħha mir-riċessjoni wara li ċ-ċifri uffiċjali wrew li t-tkabbir ekonomiku kompla fi Frar minkejja xahar ta’ maltemp u xita li affettwa l-kostruzzjoni u l-bejgħ bl-imnut. 

Skont l-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali (ONS) il-Prodott Gross Domestiku (PGD) żdied b’0.1% fi Frar, iżda t-tbassir tal-ekonomisti estenda l-irkupru wara li t-tkabbir f’Jannar ġie rivedut minn 0.2% għal 0.3%.

Liz McKeown, direttur tal-istatistika tal-ekonomija tal-ONS, fissret kif l-ekonomija kibret ftit fi Frar bi tkabbir mifrux fil-manifattura, partikolarment fis-settur tal-karozzi. Is-servizzi kibru wkoll ftit bit-trasport pubbliku u t-trasport tal-merkanzija, u t-telekomunikazzjoni kellhom xhur b’saħħithom.

Dawn ikkumpensaw parzjalment għat-tnaqqis notevoli fil-kostruzzjoni peress li temp imxarrab xekkel ħafna proġetti ta’ bini. Tnaqqis fir-riċessjoni kien jirrikjedi espansjoni kontinwa f’Marzu biex jintlaħaq ritorn trimestrali għat-tkabbir.

Dan it-tkabbir ekonomiku, għalkemm insinifikanti ġie waqt li l-prim ministru Rishi Sunak jinsab taħt pressjoni biex juri progress fl-ekonomija qabel ma’ l-poplu Brittaniku jmur jivvota fl-elezzjoni ġenerali li mistennija ssir aktar tard din is-sena meta l-Konservattivi jibsabu ferm wara l-Labour fl-istħarriġ tal-opinjoni. 

L-aħħar ċifri juru wkoll tkabbir ta’ 0.1% matul it-tliet xhur sal-aħħar ta’ Frar, l-ewwel espansjoni fuq perjodu ta’ tliet xhur mis-sajf li għadda, bl-attività tirkupra minn tnaqqis fis-sena li għaddiet hekk kif il-familji naqqsu l-infiq minħabba l-kriżi tal-għoli tal-ħajja. It-tkabbir fi Frar kien provokat mill-manifattura b’mod partikolari, b’irkupru qawwi fil-produzzjoni tal-karozzi, li żdiedet bi 17.8% meta mqabbla mal-istess xahar ta’ sena qabel.

Madankollu, il-produzzjoni tal-kostruzzjoni waqgħet b’1.9% fi Frar hekk kif xita qawwija waqqfet ix-xogħol fuq siti tal-bini madwar il-pajjiż. Is-settur tas-servizzi dominanti tar-Renju Unit, li jagħmel madwar erba’ minn ħamsa tal-ekonomija, inzerta wkoll mal-momentum tat-tkabbir, b’espansjoni ta’ 0.1% fuq xahar qabel fost attività aktar dgħajfa fid-distribuzzjoni bl-imnut u bl-ingrossa. 

Il-kunflitt fil-Lvant Nofsani wkoll ħarbat il-ktajjen tal-provvista globali, laqat lill-bejjiegħa bl-imnut, lill-mekkanika tal-vetturi u lill-ħidma tas-saħħa u soċjali, fejn madwar wieħed minn kull 10 negozji ġew affettwati.

Madankollu, it-tkabbir huwa mistenni li jibqa’ dgħajjef filwaqt li l-familji u n-negozji jibqgħu taħt pressjoni minn rati tal-imgħax ogħla tal-Bank of England u prezzijiet ferm ogħla għall-oġġetti u s-servizzi minn tliet snin ilu ‘il hawn.

Minkejja t-tkabbir minimu, għal Paul Nowak, is-segretarju ġenerali tat-Trade Union Council, l-ekonomija tar-Renju Unit għadha iżgħar minn kif kienet dan iż-żmien is-sena ilu bi tkabbir staġnat. Il-pagi reali għadhom jiswew inqas milli kienu fl-2008 u miljuni qed ibatu biex ikopru l-kontijiet tagħhom.

Ix-shadow kanċillier Laburista, Rachel Reeves, qalet li wara 14-il sena ta’ falliment ekonomiku Konservattiv, il-Gran Brittanja tinsab agħar bi tkabbir baxx u taxxi għoljin. Il-Konservattivi ma jistgħux jirranġaw l-ekonomija għax huma r-raġuni li l-ekonomija hija mkissra, kompliet issostni.

Sport