Wednesday, April 24, 2024

L-eks gwardjana tal-ħabs f’Alabama tmut u l-ħabsi jerġa’ jiġi arrestat

Aqra wkoll

Il-gwardjana tal-ħabs li ħarbet ma’ priġunier minn ħabs f’Alabama qatlet lilha nnifisha b’arma tan-nar hekk kif “il-koppja” ġew interċettati mill-pulizija. 

Vicky White, li kellha 58 sena, mietet fl-isptar filwaqt li Casey White li għandu 38 sena ġie arrestat mill-ġdid. Minkejja li għandhom l-istess kunjom, dawn it-tnejn ma jiġux minn xulxin. 

Vicky u Casey kienu għebu fid-29 ta’ April li għadda mill-ħabs ta’ Lauderdale County, u hu mifhum li dawn it-tnejn kellhom relazzjoni romantika bejniethom. Uffiċjali tal-ħabs kienu qalu li dawn it-tnejn għebu hekk kif Vicky kellha twassal lil Casey lejn l-isptar għal evalwazzjoni mentali, li wara nstab li kienet fittizja.

Din kienet l-aħħar ġurnata ta’ xogħol għal Vicky qabel tirtira. Hi kienet għadha kif biegħet id-dar u kienet qalet lill-ħbieb u kollegi li se tqatta’ iktar ħin fuq il-bajja.

“Il-koppja” ġew interċettati f’Evansville f’Indiana fejn Casey White ċeda wara li ħabat bil-vettura hekk kif kien qiegħed jipprova jaħrab lill-pulizija. F’dak il-waqt Vicky weġġgħet lilha nnifisha. F’kumment li x-Xerif Rick Singleton ta wara li Casey reġa’ ttieħed fil-kustodja tal-pu­lizja hu qal li, “Illum neħħejna raġel perikoluż mit-toroq. Hu mhux se jer­ġa’ jara d-dawl tax-xemx.”

Casey White qiegħed ikun mixli li f’Settembru tal-2020 qatel b’daqqiet ta’ sikkina lil Connie Ridgeway ta’ 58 sena. Huwa kien diġà qiegħed iservi piena ta’ 75 sena ħabs għal atti vjolenti li wettaq fl-2015 fosthom serq. Jekk jinstab ħati Casey jista’ jeħel il-piena tal-mewt. 

Sport