Sunday, April 14, 2024

“Mal-karta u l-pinna sibt post fejn nista’ nkun verament jien”

Tgħid dan awtriċi Maltija ta’ 16-il sena li tat il-kontribut tagħha bħala ko-awtriċi fl-antoloġija dwar Anne Frank

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Awtriċi żagħżugħa tgħid li mal-karta u l-pinna sabet post fejn tista’ tkun verament hi. Ma’ Talk.mt, l-awtriċi ta’ 16-il sena Joy Gafà qasmet magħna xi ħsibijiet dwar kif minn dejjem xtaqet li ssir awtriċi u kif minn dejjem ħabbet l-istorja.

Ix-xewqa tagħha saret realtà meta tat il-kontribut tagħha bħala ko-awtriċi fl-antoloġija dwar it-tfajla Lhudija Anne Frank. Miktub minn diversi awturi minn madwar id-dinja, l-antoloġija ġġib l-isem ta’ “Meeting” Anne Frank.

Joy tassew qed tagħmel unur lil pajjiżna hekk kif din iż-żagħżugħa hija l-iżgħar awtriċi f’dan ix-xogħol u l-unika persuna minn pajjiżna u l-istorja tagħha bdiet meta kellha 11-il sena.

Ma’ dan is-sit hija qalet: “Minn dejjem xtaqt li nsir awtrici u minn dejjem ħabbejt l-Istorja. Ta 11-il sena qrajt id-Djarju ta’ Anne Frank u ssaħħart bli qrajt.”

Staqsejniha aktar dwar dan u hekk kif weġbitna ħarġet biċ-ċar il-passjoni tagħha: “Minbarra li tagħtna riflessjoni tal-ħajja ta’ persuna ċivili waqt il-gwerra, tagħtna insight dwar l-esperjenza tagħha bħala adoloxxenti. Fid-djarju tagħha kitbet diversi ħsibijiet u emozzjonijiet privati…riflessjonijiet fuqha nfisha, u dwar ħsibijietha… affarijiet li ma tħossokx komda tiddiskuti ma’ sħabek taħ dik l-età. Jien kont tamparha jew ftit iżgħar minnha u ħassejt li fiha sibt ħabiba tal-qalb li sibt affarijiet komuni magħha. Iż-żmien ta’ żvilupp u ta’ ‘self-discovery’ huwa kru1jali, imma żmien fejn kultant tħoss li ħadd ma jista’ jifmek u minn xiex għaddejja minnu. Kienet xi ħaġa kbira għalija li tfajla li għexet deċenji ilu, ‘fehmet’ dak li kont inħoss.”

L-awtriċi żagħżugħa żiedet tgħid: “Ta 13-il sena żort Amsterdam għall-ewwel darba. Meta ġejt lura minn hemm ippubblikajt ritratt fuq grupp ta’ Facebook u ikkuntatjani editur Amerikan. Qasam miegħi l-ħsibijiet li kellu għall-antoloħija u staqsieni jekk nixtieqx nipparteċipa. Urejtu xi xogħol minnn tieghi biex jara fejn kont bħala kitba u ta 14-il sena ktibt il-parti tiegħi mill-antologija li titratta l-istorja ta’ kif jien sirt naf b’Anne Frank u kif ukoll il-perspettiva tieghu fuq l-antisemitiżmu u x-xenofobija.”

Joy spjegat li l-ktieb ħie ppubblikat bħal dan iż-żmien sena, fl-2021, proprju ftit qabel ma’ għalqet 16-il sena. 

“F’din is-sena kelli opportunità li nitkellem fil-ftuħ ta’ żewġ eżebizzjonijiet u ġejt intervistata minn J. Douglas Barker għall-podcast Amerikan. Fil-bidu t’April erġajt mort Amsterdam mal-awturi l-oħra tal-antoloġija u ergajna dorna postijiet relatati ma’ Anne Frank… esperjenza stupenda u li mhu se ninsiha qatt,” qalet Joy.

“Għandi diversi pjanijiet għall-futur f’dan il-qasam; fil-ħsieb li nikteb iktar materjal u nippublikah bħala awtriċi solo… u nispera li jkolli ċ-ċans nagħmel iktar kollaborazzjonijiet. Inħeġġeġ lil dawk iż-żgħażagħ li sabu passjoni fil-kitba, biex ikomplu jiktbu u jkabbru l-abilità tagħhom f’din l-arti; ngħid għalija, mal-karta u l-pinna sibt post fejn nista’ nkun verament jien,” temmet tgħid iż-żagħżugħa.

Ekonomija

Sport