Thursday, July 25, 2024

L-eks sieħba ta’ George Degiorgio ħatja ta’ ħasil ta’ flus 

Aqra wkoll

Anca Adelina Pop, l-eks sieħba ta’ George Degiorgio magħruf bħala “ċ-Ċiniż”, instabet ħatja b’rabta ma’ akkużi ta’ ħasil ta’ flus wara li l-Qorti tal-Appell innotat kif hija kellha diversi vetturi lussużi u wettqet depożiti sostanzjali waqt li kienet mingħajr impjieg. 

Pop instabet ħatja mill-Qorti tal-Appell li kkonfermat ukoll il-ħtija u s-sentenzi ta’ ħabs li ngħataw George u Alfred Degiorgio. L-aħwa Degiorgio, li qed jiskontaw 40 sena ħabs kull wieħed wara li ammettew li qatlu lil Daphne Caruana Galizia, kellhom is-sentenzi ta’ erba’ snin ħabs ikkonfermati fuq ħasil ta’ flus. 

Il-Qorti tal-Maġistrati kienet illiberat lil Pop mill-akkużi miġjuba kontriha iżda l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza fejn argumenta li kien hemm biżżejjed evidenza biex hija tinstab ħatja. Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, qablet mal-argumenti tal-Avukat Ġenerali. 

Jidher li Pop kellha depożiti li jammontaw għal eluf kbar ta’ ewro fil-kont bankarju tagħha waqt li din kienet bla impjieg. Hija kienet nefqet ammont konsiderevoli ta’ flus fuq ħwejjeġ u żraben filwaqt li bejn Mejju tal-2013 u Jannar tal-2018 għaddiet is-somma ta’ €38,450 barra minn Malta, l-aktar lil ommha. Apparti hekk, kienet irċeviet €22,000 mingħand is-sieħeb tagħha George. 

L-uffiċjali ta’ Transport Malta kienu kkonfermaw li tliet vetturi – Corvette C7, Audi Q7S u Mercedes Benz – kienu rreġistrati f’isimha. 

Wara li kkunsidrat kollox, il-Qorti rrevokat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u sabitha ħatja tal-akkużi dwar ħasil ta’ flus. Pop kienet ikkundannata 18-il xahar ħabas sospiżi għal sentejn flimkien ma’ €22,000 multa. 

Hija kienet ordnata wkoll biex tħallas terz tal-ispejjeż tal-Qorti, li jammontaw għal €841.90. II-proprjetà kollha tagħha, kemm mobbli kif ukoll immobbli, ġew ikkonfiskati favur il-Gvern ta’ Malta. 

Ekonomija

Sport