Jordan Azzopardi ta’ 35 sena mis-Swieqi, magħruf bħala El Chapo ta’ Malta nżamm arrest wara tressaq il-Qorti mixli li ħaraq żewġ karozzi f’Wied il-Għajn u tnejn oħra f’Ħaż-Żabbar.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Shawn Pawney spjegat li l-każ seħħ fil-jiem li għaddew meta għall-ħabta tat-3.15am, il-Pulizija u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ntalbu jassistu fi Triq il-Gardiel f’Wied il-Għajn.
Ingħad li meta dawn marru fuq il-post, sabu żewġ vetturi li kienu pparkjati u maħkuma min-nirien. Wara li n-nirien ġew ikkontrollati, bdiet l-investigazzjoni mill-Pulizija u nfetħet ukoll inkjesta.
Minn filmati li kien hemm fit-triq tal-istess inċident, irriżulta li kien hemm żewġt irġiel neżlin mill-vettura li kellha diversi ħsarat, b’wieħed minnhom kien Azzopardi.
L-istess vettura nqabdet ukoll fuq filmati tal-kameras tas-sigurta fi triq f’Ħaż-Żabbar meta l-Pulizija kienet qed tinvestiga ħruq ieħor fuq vettura f’Novembru tas-sena li għaddiet.
Mill-istess investigazzjonijiet, irriżulta li l-karozza kienet tal-eks tfajla ta’ Azzopardi u li minkejja li kienet fuq isimha kien jagħmel użu minnha l-akkużat.
Azzopardi ġie identifikat bħala dak li allegatament ħaraq il-vetturi u kien arrestat f’Birkirkara fejn fil-karozza instabet arma tan-nar, mimlija munizzjon u kkargata; diversi grammi bi droga kokaina u kannabis u madwar €2,000 fi flus kontanti.
Azzopardi, li kien qiegħed barra bil-libertà proviżorja, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ miżmum taħt arrest.
Minbarra l-ħruq taż-żewġ karozzi f’Wied il-Għajn ġie akkużat ukoll bil-ħruq ta’ żewġ karozzi f’Ħaż-Żabbar, bil-pussess tal-kannabis, ħasil ta’ flus, pussess ta’ arma tan-nar, li ta fastidju persuna u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat Charmaine Galea ħarġet ordni ta’ qbid u ffriżar tal-assi fil-konfront ta’ Azzopardi u ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.