Wednesday, April 24, 2024

L-EMENDA LI SARET KONTROVERSJA POLITIKA

Aqra wkoll

Illum nixtieq nikteb dwar l-emenda li qed jipproponi l-Gvern dwar meta jkun hemm mara tqila u tkun fil-periklu li titlef ħajjitha. Din hi emenda tal-liġi kontra l-abort. Biss min hu kontra din l-emenda qed jgħid li qed jiftaħ il-bieb biex jidħol l-abort.

Qed jgħidu dan biex tinqala’ kontroversja politika. Ir-raġuni hi li sew il-Gvern u anki l-liġi ser tibqa’ kontra l-abort. Hi ħasra li issues bħal dawn, hawn Malta, għandhom tendenza li minflok nitkellmu dwarhom b’mod sensibbli li jista’ jressaqna lejn xulxin biex insolvu l-problemi soċjali nitfgħuhom fil-qasam tal-kontroversji politiċi u ninsew l-aspett soċjali.

Ir-raġuni hi li għal dawn in-nies hi li l-politika hi importanti għax din biss tressaqhom lejn il-poter. Dan diġà rajnieh darbtejn fil-qasam Ewropej. Kellna żewġ okkażjonijiet fejn politiċi li jgħidu li jemmnu kontra l-abort, biex ma jitilfux il-poter, ikunu lesti li jagħlqu għajnejhom lejn il-prinċipji u jħallu kollox għaddej. F’żewġ okkażjonijiet politiċi Maltin qalu li mhux lesti li jopponu l-abort minkejja li f’Malta jgħidu li mhux biss kontra, imma lesti biex jiġġieldu kontra l-abort. Jekk dan ma juri xejn, juri kemm għal dawn in-nies, il-poter u l-flus li jġibu magħhom, għalihom huma aktar importanti mill-prinċipji.

L-opinjoni tiegħi dwar din il-kontroversja mhix ibbażata fuq il-politika imma fuq żewġ prinċipji. Jien kontra l-abort. Il-prinċipju mhux wieħed reliġjuż għaliex jien ateista u għalhekk ir-reliġjonijiet mhux xi ħaġa li jinfluwenzawni. Anzi jien kontra r-reliġjonijiet għaliex dawn aktar ġabu firda u qerda milli għaqda, paċi u ġid fid-dinja.

Il-pożizzjoni tiegħi kontra l-abort hi bbażata fuq il-prinċipju li kull bniedem għandu d-dritt li jgħix ħajtu kif irid basta dan ma jagħmilx ħsara lil xi ħadd ieħor. Qabel kont nara eċċezzjonijiet fl-abort, għaliex ma kienx hawn mezzi biex mara ma tħallix lilha nfisha toħroġ tqila.

Meta kont ser niżżewweġ, fl-1971, kienet ġiet introdotta l-pillola kontra t-tqala f’Malta. Sintendi il-Knisja kienet, u probabbilment għadha, kontra li tintuża. Qed ngħid probabbilment għaliex illum din il-pillola la għadha kontroversjali u lanqas ikkundannata bħalma kienet dak iż-żmien. Biss il-pillola li kienet ġiet introdotta fis-suq Malti kienet dik li ma tħallix il-mara toħroġ tqila jekk tittieħed minn qabel. Għalhekk, pereżempju, ma kontx kontra l-abort jekk mara tkun ġiet stuprata. Dan għaliex l-għażla li mara toħroġ tqila f’każi bħal dawn ma kienx fil-kontroll tagħha u mhux sew għalija li mara tiġi mpoġġija f’kundizzjoni fejn ser issir omm mingħajr ma trid.

Biss wara ġew żviluppati pilloli oħra. Dawn jipproteġu li l-mara toħroġ tqila mhux jekk jieħdu dawn il-pilloli qabel ma jkollhom x’jaqsmu ma’ raġel imma tipproteġihom anki wara li tkun saret din l-attività. Hemm min jgħidlek li f’dawk is-sigħat diġà ġiet iffurmata t-tarbija, xi ħaġa li jien ma nemminx. Kien minħabba din il-pillola li mort kontra kull abort, għaliex mara, anki dik li tiġi stuprata, tista’ tieħu din il-pillola u għalhekk ma toħroġx tqila. Jekk hi ma tiħux din l-azzjoni biex ma toħroġx tqila, għalija m’għandha l-ebda dritt li wara tkun trid teħles mit-tarbija, hekk kiesaħ u biered.

Issa niġu għall-emenda li qed tiġi proposta bħalissa. Kif fhimt jien, jekk mara li tkun tqila u tkun fil-periklu li titlef ħajjitha minħabba t-tqala, jistgħu jittieħdu passi biex tiġi salvata. Dan isir jekk verament il-mara tkun fil-periklu ta’ ħajjitha u t-tarbija ma tkunx tista’ tiġi salvata.

Għalhekk, jekk din il-kundizzjoni li tkun ta’ periklu għall-ħajja tal-mara toħroġ wara li t-tarbija tagħlaq l-24 ġimgħa, it-tarbija wkoll tkun tista’ tiġi salvata għaliex illum hemm mezzi mediċi biex it-tarbija tkompli tiżviluppa minkejja li ma tkunx f’ġuf ommha. F’din iċ-ċirkostanza, din l-emenda ma tapplikax.

Il-prinċipju li nuża f’din l-emenda hu li jekk ikun hemm sitwazzjoni fejn hemm żewġ persuni li jekk ma titteħidx azzjoni, it-tnejn ser imutu, għandha tittieħed azzjoni biex tiġi salvata dik il-persuna li tinsab fl-aħjar pożizzjoni li tiġi salvata.

Snin ilu, kien hemm każ fejn twieldet tarbija b’żewġt irjus. Dan ifisser li twieldu żewġ persuni b’ġisem wieħed. Li jgħixu hekk kien impossibli barra li l-probabbiltà kbira hi li jmutu t-tnejn. Kienet qamet kontroversja jekk għandhiex tittieħed azzjoni biex tiġi salvata persuna minnhom, dik l-aktar li hemm ċans li tgħix. Kienet qamet kontroversja għaliex il-Knisja kienet kontra li tittieħed din l-azzjoni peress li kienet ser tittieħed azzjoni kontra l-ħajja tal-oħra. Għalija din kienet pożizzjoni bla sens għaliex li kieku ma kinitx ser titiħed din l-azzjoni, kienu jmutu t-tnejn. Imnalla li kien hemm deċizjoni minn qorti barranija li din l-azzjoni tista’ tittieħed għaliex konna nitilfu żewġ persuni u mhux waħda. Min ħa l-pożizzjoni kontra li tittieħed azzjoni biex tiġi salvata huma dawk in-nies li jgħidu li huma favur il-ħajja. Ma nistax nifhem kif tista’ tkun favur il-ħajja fejn tippreferi li jmutu ż-żewġ persuni meta tista’ tiġi salvata ħajja minnhom!

Din hi l-istess pożizzjoni li kienet tittieħed meta l-liġijiet kienu nbidlu biex l-IVF jespandi. Issa l-IVF kull ma jagħmel hu li jagħti tarbija lil dawk il-koppji li n-natura poġġitilhom ċerta restrizzjonijiet. F’dan il-każ ma hemm l-ebda telfa ta’ ħajja imma żieda, żieda, għaliex qed nagħtu opportunita’ li titwieled tarbija meta n-natura ma kinitx ser tagħti din l-opportunita’. Niftakar li kien hemm qassis li kien qal li huma kontra għaliex dawk li jitwieldu bl-IVF huma prodotti. Kont staqsejt jekk dawk li jitwieldu minħabba l-IVF, jekk huma prodotti, humiex qed jiġu mgħammda u meqjusa bħal bnedmin l-oħra. Biss ħadd ma tani tweġiba.

Nerġgħu mmorru lejn l-emenda. L-emenda poġġiet ukoll ċerta kundizzjonijiet. L-aktar importanti hi li l-omm trid tkun vera fil-periklu ta’ ħajjitha. Din mhix xi ħaġa li tasal għaliha l-omm, imma t-tobba. Min-naħa l-oħra, l-omm għandha dritt li ma tħallix azzjoni bħal din issir minkejja li hemm ħajjitha fin-nofs. Biss jekk l-omm ma ssibx oġġezzjoni, allura ma narax għaliex ma nistgħux insalvaw ħajja minflok nitilfu tnejn. Hu minħabba dan li naqbel ma din l-emenda. Hemm affarijiet oħra li rridu nagħtu kashom. Fosthom ma ninsewx li jekk ma ssalvax l-omm, f’sitwazzjoni tal-emenda, lanqas it-tarbija ma ssalva. Irridu wkoll niftakru li l-omm hi persuna wkoll li jista’ jkollha tfal oħra. Jekk ma titteħidx azzjoni mhux biss it-tarbija l-ġdida tħallina, iżda l-ulied l-oħra ser jibqgħu mingħajr omm tul ħajjithom.

Dawn huma r-raġunijiet għaliex naqbel ma din l-emenda.

Sport