Sunday, December 22, 2024

L-ERA toħroġ mal-11,000 ittra ta’ twissija fl-2023

… fosthom dwar nuqqas ta’ separazzjoni tal-iskart

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, is-sezzjoni tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kompliet bl-isforzi tagħha biex tassigura konformità mal-liġijiet ambjentali u ħadet diversi azzjonijiet. Fost l-oħrajn, inħarġu ‘l fuq minn 11,000 ittra ta’ twissija li jinkludu twissijiet fuq nuqqas ta’ seperazzjoni ta’ skart, u ‘l fuq minn 630 penali aministrattivi fuq setturi varji. 

Saru ‘l fuq minn 400 spezzjoni fuq ġarr ta’ skart bil-baħar u investigazzjoni ta’ ‘l fuq minn 850 każ ta’ rimi illegali. Fl-istess sena, saru wkoll iktar minn 40 spezzjoni fuq pompi tal-fuel, 180 spezzjoni ġo barrieri u iktar minn 200 spezzjoni f’faċilitajiet differenti li jagħmlu operat suġġett għal-permessi ambjentali.

Qalet dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli waqt li fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi ta’ dħul u nfiq fi ħdan l-ERA għas-sena 2024. Dalli qalet ukoll li fl-2023, saru madwar 430 spezzjoni fuq speċi regolati mill-Konvenzjoni CITES, każijiet li jinvolvu s-siġar u każijiet f’żoni protetti. Dan kollu sar ukoll fl-ambitu ta’ monitoraġġ intensiv fix-xhur tas-sajf f’żoni protetti fuq il-baħar fejn ikun projbit l-ankrar, dawl eċċessiv u storbju.

Il-Ministru Dalli elenkat li bħaalissa għaddejja ħidma b’saħħitha fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart, hekk kif saħqet li spiċċa ż-żmien li tinfetaħ miżbla wara oħra u li għalhekk qed isir investiment bla preċedent f’dan is-settur. Irrimarkat li nfetaħ impjant ġdid biex jipproċessa l-iskart tal-boroż griżi u ħodor f’Marzu tas-sena l-oħra b’investiment ta’ €4 miljun. Imbagħad f’Ġunju nfetaħ impjant ieħor li jipproċessa tipi ta’ skart differenti li qabel kienu jispiċċaw fil-miżbla, b’investiment ta’ €20 miljun. 

Fid-diskors, Dalli qasmet aħbar pożittiva li ġiet ippubblikata fejn Malta rat titjib fil-klassifikazzjoni tagħha fir-ranking tas-Sustainable Development Goals. Skont l-aħħar Rapport ippubblikat dwar il-progress milħuq mill-Istati Membri tal-Ġnus Magħquda fir-rigward tal-implimentazzjoni tas-Sustainable Development Goals (SDGs), Malta ġiet ikklassifikata fit-36 post minn fost 167 pajjiż, b’total ta’ 77.0 punt (0 tfisser l-agħar prestazzjoni u 100 tfisser l-aqwa). Dan ifisser titjib mis-sena l-oħra fejn Malta ġiet ikklassifikata fil-41 post b’total ta’ 75.5 punt. Tajjeb li wieħed jinnota li l-medja reġjonali (Regional Average) hija ta’ 70.6. 

Dwar dan, kompliet tgħid; “Filwaqt li nirrikonoxxu li bħal kull pajjiż ieħor għad fadal sfidi pero jidher li hemm sinjali ta’ titjib f’numru ta’ SDGs. Dan ir-riżultat pożittiv jikkonferma l-impenn kontinwu tal-gvern sabiex sal-2030 jinkisbu l-għanijiet u l-miri stabbiliti mill-Ġnus Magħquda. Dan qed nassigurawh ukoll permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp Sostenibbli, strateġija ambizzjuża bi pjan orizzontali u ħolistiku fit-tul li tista’ tikseb ir-riżultati jekk kulħadd jagħti s-sehem tiegħu”. 

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Dalli ffukat ukoll fuq it-tisħiħ leġislattiv, fejn irrimarkat li s-sena li għaddiet ġie emendat l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent biex jissaħħaħ, liema att għandu bażi teknika u xjentifika biex jassigura s-sostenibbiltà fl-oqsma kollha, mill-bijodiversità sal-kwalità tal-arja għall-immaniggjar tal-iskart. Fuq dik il-bażi, il-Ministru qalet li tkompliet tissaħħaħ biex tiżdied it-trasparenza u l-governanza tajba, biex ikun hemm parteċipazzjoni akbar tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-board u tal-ERA u jkun hemm aċċess akbar għall-ġustizzja.

Qalet ukoll; “Saħħaħna wkoll il-Bord tal-ERA grazzi għall-proposta li jkun appuntat segretarju tal-Bord b’mod uffiċjali. Żiedna membru addizzjonali mis-settur pubbliku fuq il-Bord tal-Awtorità, biex b’hekk it-total tal-membri jitla’ ghal ħdax-il-membru, b’7 membri jkunu indipendenti. Bl-istess mod, ridna wkoll li nsaħħu l-infurzar tal-ERA: biex ikollna infurzar aktar effettiv bil-possibilità li jinħargu Ordnijiet ta’ Emerġenza f’każ ta’ periklu imminenti għall-ambjent. F’dawn il-kazijiet l-Awtorità tkun tista’ taġixxi mill-ewwel, mingħajr ma toqgħod tistenna li jridu jgħaddu ħmistax-il ġurnata sabiex Ordni tiġi effettiva”. 

Intqal ukoll li dawn l-emendi servew ta’ bażi għall-abbozz ieħor ta’ regolamenti li qed jaħdmu fuqhom, ir-regolamenti dwar il-permessi ambjentali li ser jistabbilixxu l-proċedura u liema deċiżjonijiet ser jittieħdu fil-pubbliku filwaqt li tidaħħal il-ħtieġa li jkun hemm permess ambjentali fuq operat li sal-lum m’għandu l-ebda obbligu ambjentali. Diġà nħarġet għall-konsultazzjoni pubblika numru ta’ proposti li jressqu ’l quddiem pożizzjoni ambizzjuża biex l-iżvilupp isir imma b’mod sostenibbli u fuq kollox b’mod li jirrispetta l-prijoritajiet tan-nies.

Ġie rrimarkat li issa li għalaq il-perjodu tal-konsultazzjoni pubblika, l-ERA qed tanalizza r-rispons li daħal biex insaħħu l-istandards ambjentali fl-għoti tal-permess. Qalet li bħalissa qed jaraw li jkollhom qafas legali li jġib flimkien liġijiet ambjentali differenti. Dan l-eżerċizzju qed isir għax irridu proċessi ambjentali aktar simplifikati biex nassiguraw il-protezzjoni ambjentali u kemm jista’ jkun nikkonsolidaw il-liġijiet ambjentali. 

Tkellmet fuq il-fatt li kien hemm diskussjoni wiesgħa dwar l-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent. Mat-tfal b’mod partikolari tkellmu fuq ġonna li huma sostenibbli – dwar il-bżonn li wieħeed juża materjal sostenibbli, li jagħmlu użu mid- dawl permezz sistemi ta’ enerġija rinovabbli, li jkun hemm ġibjun fil-proġetti biex jissaqqew is-siġar u dwar dak li huma jixtiequ jaraw fil-ġonna u l-parks tagħna. 

Iddikjarat ukoll li temmen li hemm bżonn li jinħolqu iżjed żoni pedonali u li jkun hemm inizjattivi bħal min diġà qed imur l-iskola bir-rota. Jeħtieġ ukoll kultura li fejn tista’ timxi għal ħames, għaxar minuti, ma hemmx għalfejn taqbad il-vettura. Deċiżjoni waħda li fuq kollox kapaċi jkollha numru ta’ benefiċċji: Benefiċċju għas-saħħa, benefiċċju għall-arja, benefiċċju li nnaqqsu l-karozzi, benefiċċju li niftuħ aktar spazji għal żoni ħodor fl-urban.

Ekonomija

Sport