Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet għaliex kelli n-nannu ffissat fuq il-futbol. Dejjem kien jgħidli biex jeħodni nibda nittrenja għalkemm kien għad kelli biss 12-il Sena. Imbagħad dejjem kont nilgħab ħdejna fit-triq ma’ sħabi li l-maġġoranza kienu subien. Ta’ 13-il sena ingħaqadt man-nursery ta’ Hibernians FC li kellhom tim tat-tfajliet fejn għamilt 21 sena sakemm imbagħad komplejt ma’ Swieqi United FC.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala waħda mill-kowċis tat-tim tan-nisa ta’ Swieqi United FC.
Jien ma’ Swieqi United FC ilni erba’ snin kowċ minn meta ngħaqadna bħala tim. Bdejt mal-U16, imbagħad U17, U19 u U21 kif ukoll din is- sena kelli U21 kowċ u assistenta mat-tim tal-kbar.. Dan filwaqt li din is-sena kont U21 kowċ u assistent kowċ mat-tim tal-kbar. Din is-sena kienet waħda memorabbli għax irbaħna l-kampjonat U19 għat-tieni sena konsekuttiva u rbaħna wkoll għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb, il-kampjonat tal-kbar. Inħossni onorata li bħala kowċ kont parti mir-rebħ ta’ kampjonat f’kull kategorija, iżda dan ma kienx ikun possibbli mingħajr dawk il-plejers li kibru u ħadmu tul is-snin kif ukoll għal sħabi tal-istaff u l-membri tal-kumitat u l-president Dr Justin Fenech, li dejjem ħadmu għall-futbol tan-nisa u emmnu fija.
X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara r-rebħ tal-ewwel kampjonat storiku minn Swieqi United FC fil-jiem li għaddew?
Naħseb li kienu diversi fatturi għal dan iżda dawk ewlenin kienu żgur id-dedikazzjoni ta’ kull plejer, staff u kumitat kif ukoll l-għaqda anke fid-diffikultajiet u li dejjem żammejna saqajna mal-art. L-esperjenza tal-plejers kbar u l-entużjażmu tal-plejers li telgħin kienet riċetta tajba għas-suċċess li ksibna bħala klabb. Nemmen li kollha ħdimna flimkien b’intensitá biex dejjem nitjiebu.
Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li dan kien kampjonat missielet anke għax żdied il-livell. Din is-sena kien hemm plejers barranin ta’ livell li għenu bis-sħiħ biex titjieb il-logħba. Importanti li l-klabbs kollha jibqgħu jinvestu fl-istaff u s-set-up tan-nursery u tat-tim biex l-logħba tkompli titjieb.
U l-livell tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Il-grawnds hemm minnhom tajbin u oħrajn inqas tajbin. Huwa importanti li ikun hemm standards għoljin fil-faċilitajiet anke biex nippruvaw nattiraw nies biex jiġu jaraw logħba.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bhalissa l-pass li jmiss huwa l-logħob għall-kwalifikazzjoni tal-UEFA Women’s Champions league, knock-out tal-kbar u U19. Wara nixtieq nieħu ftit mistrieħ għax kienet sena impenjattiva u nibdew naħsbu fuq l-istaġun li ġej.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lill bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-ebda karriera ma tiġi mingħajr impenn, dedikazzjoni u umiltá li tifhem li għad jonqos x’titgħallem u li dawk li jmexxuk jafu xi ftit iktar minnek! Għalhekk tajjeb li żżomm dejjem saqajk mal-art!