Wednesday, July 24, 2024

L-esperti tal-BOV jiddiskutu l-ekonomija u l-investiment mal-klijenti

Aqra wkoll

Il-Bank of Valletta organizza seminar dwar edukazzjoni finanzjarja li enfasizza aspetti importanti tal-ekonomija lokali u elementi bażiċi tal-investiment bil-ħsieb li jgħin lill-pubbliku jieħu deċiżjonijiet meqjusa meta jittratta l-benesseri finanzjarju tiegħu.

Il-Bank qed jinvesti bil-kbir fil-litteriżmu finanzjarju tal-komunitajiet li jaqdi. Kif spjega l-Kap Eżekuttiv tal-BOV, Kenneth Farrugia, “Aħna nħossu li hija r-responsabbiltà tagħna li nxerrdu l-għarfien finanzjarju u ngħinu lill-pubbliku jkun infurmat aħjar, sabiex ikun jista’ jagħżel prodotti finanzjarji li verament jaqblu mal-ħtiġijiet tiegħu”. Bħala Bank ta’ importanza sistemika, b’wirt ta’ ħamsin sena jopera fil-Gżejjer Maltin, il-Bank ħa r-responsabbiltà li jappoġġa lill-klijenti fin-navigazzjoni fid-dinja tas-servizzi finanzjarji. B’hekk, ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu mill-għażliet finanzjarji disponibbli f’diversi fażijiet ta’ ħajjithom.”

Malcolm Bray, li jmexxi l-funzjoni tal-Ekonomija tal-Bank, ta ħarsa ġenerali lejn ix-xenarju ekonomiku lokali. Huwa enfasizza diversi varjabbli bħad-diversifikazzjoni settorjali miksuba matul l-aħħar deċennji, ir-rata rekord baxxa tal-qgħad, flimkien mat-tnaqqis mistenni tal-pressjonijiet inflazzjonarji, is-sena rekord għat-turiżmu, u t-tkabbir kontinwu fil-prezzijiet tad-djar residenzjali.

“Il-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli preżenti huma appoġġjati wkoll mill-pass-through baxx tar-rati tal-BĊE għar-rati tas-self domestiku. Tabilħaqq, ir-rati tal-imgħax għall-klijenti personali u dawk korporattivi bħalissa huma l-aktar baxxi fost il-pajjiżi taż-żona tal-ewro,” spjega s-Sur Bray.

Huwa rrefera wkoll għat-teorija taċ-ċiklu tal-ħajja tal-konsum biex jenfasizza l-importanza li wieħed ifaddal matul l-età tax-xogħol sabiex inkunu nistgħu nżommu xejriet ta’ konsum eżistenti ladarba nirtiraw meta jonqos id-dħul.

Is-Swieq tal-Bonds u l-Ekwità kienu oqsma partikolari ta’ interess fis-sessjoni ta’ informazzjoni. Dawk li attendew ingħataw ħarsa ġenerali lejn il-bonds, kif jaħdmu, u l-fatturi ewlenin li jaffettwaw is-suq tal-bonds, bħall-inflazzjoni, ir-rati tal-imgħax, il-klassifikazzjoni tal-kreditu, il-likwidità, u l-maturità tal-bonds.

Tressqet ukoll ħarsa ġenerali lejn is-Suq tal-Ekwità lokali, kemm skont is-settur kif ukoll l-industrija, b’enfasi partikolari fuq kif l-ishma jinvolvu aktar riskju mill-bonds iżda jintitolaw lid-detentur biex isir parti mit-tmexxija ta’ kumpanija, bil-possibbiltà li jasal il-qligħ minn dividendi jew żidiet fil-prezz tal-ishma. Statistika informattiva dwar is-suq lokali tal-ishma wriet predominanza f’Malta mill-finanzi u l-proprjetà immobbli.

Ir-rispons tal-pubbliku għas-seminar dwar l-edukazzjoni finanzjarja kien turija li fis-suq hemm domanda dejjem tikber għal aktar għarfien fil-finanzi, qasam li l-Bank of Valletta huwa ħerqan li jinvesti fih. Is-segment tal-klijenti personali qed juri interess partikolari għal dawn is-sessjonijiet, b’ħiliet bażiċi u l-investimenti li jieħdu ċ-ċentru tal-attenzjoni.

Il-Bank ħeġġeġ lil kull min huwa interessat jieħu sehem f’seminars simili futuri biex javviċina l-Business Development Unit tal-Bank billi jċempel 22751122. Sodisfazzjon bir-rispons tal-parteċipanti għall-kontenut kien espress minn Kenneth B Micallef, li jmexxi l-fergħa tal-Business Development tal-Bank, kif ukoll minn Clayton Scicluna, wieħed mill-Lead Portfolio Managers tal-Bank, u minn David Pace Ross, Senior Manager fi ħdan l-iStockbroking and Capital Advisory, li ppreżentaw l-kontenut lill-parteċipanti.

Ekonomija

Sport