Wednesday, July 24, 2024

Ftehim ta’ €7.4 biljuni mill-UE lill-Eġittu fi sforz biex tevita kriżi oħra tal-migrazzjoni

Aqra wkoll

L-Unjoni Ewropea ssiġillat ftehim ta’ €7.4bn mal-Eġittu fi sforz biex tevita kriżi oħra tal-migrazzjoni. Sitta mill-mexxejja tal-blokk iffirmaw il-ftehim fil-Kajr li l-mira ewlenija tiegħu hi li jgħin biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-pajjiż f’tentattiv biex iġibu stabbiltà fir-reġjun.

Is-sħubija strateġika ta’ tliet snin bejn l-UE u l-Eġittu tinvolvi €5 biljun f’self b’mod favorevoli biex tappoġġja bidliet ekonomiċi, €1.8bn biex tappoġġja investimenti mis-settur privat u €600miljun f’għotjiet inklużi €200miljun għall-ġestjoni tal-migrazzjoni.

Dan il-ftehim seħħ ftit jiem biss wara li membri tal-Parlament Ewropew akkużaw lil Brussell b’dittatura u ‘bankrolling’ b’riżultat ta’ ftehim simili mat-Tuneżija s-sena l-oħra.

Skont ma qalet il-Prim Ministru Taljan, Giorgia Meloni, is-sitt mexxejja tal-UE għamlu l-vjaġġ lejn il-Kajr nhar il-Ħadd wara ħidma diplomatika intensa u effettiva bejn l-UE u l-Eġittu fl-aħħar ftit xhur, 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, li mexxiet id-delegazzjoni, qalet li l-ftehim enfasizza l-post strateġiku tal-Eġittu f’viċinat inkwetanti ħafna u r-rwol vitali li għandu l-pajjiż fl-istabbiltà tar-reġjun.

Hija użat l-okkażjoni biex iġġedded talba għal waqfien mill-ġlied f’Gaża, il-ħelsien tal-ostaġġi kollha u għajnuna urġenti għall-Palestinjani f’Gaża li qed jiffaċċjaw il-ġuħ.  Fil-laqgħa tagħhom mal-president Eġizzjan, Abdel Fatah al-Sisi, Ursula von der leyen u Georgia Meloni ingħaqdu mal-Prim Ministri tal-Greċja, l-Awstrija, Ċipru u l-Belġju.

Il-ftehim ta’ tliet snin huwa parti mill-aħħar tentattiv tal-blokk biex iwaqqaf lin-nies jaqsmu l-Mediterran iżda huwa ferm usa’ fl-ambitu mill-ftehim kontroversjali ta’ €150 miljun tas-sena l-oħra mat-Tuneżija.

Meloni faħħret lil Sisi għar-rwol tal-Eġittu flimkien mal-Istati Uniti u l-Qatar fl-isforzi kontinwi biex tintemm il-gwerra f’Gaża u wkoll il-migrazzjoni, kwistjoni politika sinifikanti domestikament.

Qalet li l-aħjar mod kif it-tramuntana globali setgħet tipperswadi lin-nies fin-nofsinhar globali biex ma jemigrawx lejn l-Ewropa ma kienx biss biex iżżarma t-traffikar tan-nies iżda biex jerġa’ jafferma d-drittijiet tagħhom fil-kontinent Afrikan u biex jgħin fl-iżvilupp tal-ekonomiji tagħhom.  

Il-Prim Ministru Belġjan, Alexander De Croo, uża wkoll l-okkażjoni biex jagħmel pressjoni fuq Iżrael u żied jgħid li l-qorti internazzjonali tal-ġustizzja kienet diġà għamlet deċiżjoni provviżorja li titlob lill-Iżrael iżid l-aċċess għall-għajnuna umanitarja. 

Il-gvernijiet Ewropej ilhom jinkwetaw dwar ir-riskju ta’ instabbiltà fl-Eġittu, pajjiż ta’ 106 miljun ruħ li ilu jissielet biex itejjeb l-ekonomija tiegħu. Id-diffikultajiet ekonomiċi u l-faqar imbuttaw numri dejjem akbar ta’ nies biex jitilqu mill-pajjiż f’dawn l-aħħar snin.

Il-Greċja u l-Italja huma partikolarment imħassba dwar ir-riskju ta’ kriżi oħra tal-migranti kemm minn Gaża kif ukoll fl-Eġittu, li jospita madwar 9 miljun migrant, inklużi 4 miljun mis-Sudan u 1.5 miljun Sirjan, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Migrazzjoni.

Fl-Eġittu wkoll ma’ Von der Leyen, Meloni u De Croo kien hemm Kyriakos Mitsotakis, il-prim ministru tal-Greċja, Karl Nehammer, il-Kanċillier Awstrijak u l-president ta’ Ċipru Nikos Christodoulides

Wara li ġiet ikkritikata bil-qawwa mill-MPE’s nhar l-Erbgħa, l-UE qalet li se tistinka biex taħdem mal-ġirien tagħha u tgħin fit-titjib tad-demokrazija u l-konformità tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta’ sħubijiet aktar milli tkisser ir-relazzjonijiet magħhom. Bħalissa hemm 9 miljun refuġjati u migranti fl-Ewropa.

Ekonomija

Sport