Monday, June 8, 2026

“Nixtieq li nkompli ngħin u nisma’ l-istejjer tan-nies biex nagħmel differenza”

- intervista ma’ Gabriel Tonna magħuf bħala The Briefcase Man

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Dan il-premju mhuwiex tiegħi waħdi imma tan-nies. Dan għaliex mument bħal dan vera jfakkani għala bdejt il-proġett tal-Briefcase Man, biex nisma’ l-istejjer tan-nies u nkun hemm għalihom waqt li jkunu għaddejjin minn perjodu diffiċli”. 

Dan iddikjarah Gabriel Tonna, magħruf bħal The Briefcase Man f’intervista ma’ dan il-ġurnal, hekk kif riċentament ingħata premju dwar is-saħħa mentali minn Free Hour. 

Tonna spjegalna kif huwa ta’ unur kbir għalih li rebaħ f’kategorija tant essenzjali, dik tas-saħħa mentali. Saħaq li għalih, is-saħħa mentali hija waħda mill-aktar affarijiet importanti fil-ħajja ta’ kuljum għax din taffettwa l-mod ta’ kif il-bniedem jaħseb, iħoss u jaġixxi. 

Hawnhekk, huwa żied jgħid; “Fil-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum, bosta jkunu dawk li jgħaddu minn stress, pressjoni u ansjetà. Għalhekk huwa importanti li nagħtu importanza lis-saħħa mentali daqs kemm nagħtu lis-saħħa fiżika. Persuna li tieħu ħsieb saħħitha mentalment tkun kapaċi tiffoka, taħdem u tgawdi l-ħajja b’mod bilanċjat u b’kuntentizza”. 

Meta kien mistoqsi dwar minn fejn bdiet din l-idea tal-Briefcase Man, iż-żagħżugħ b’tant emozzjoni irrakkonta kif din l-idea kienet ilha tberren ġo moħħu minn mindu kien ċkejken. Spjega kif meta kien żgħir kien iħobb jara l-films tas-supereroj, bħal Spider-Man u Batman. 

Qal li f’dawn iż-żewġ karattri dejjem kien jara xi ħaġa li baqgħet timpessjonah sal-lum, dik li hawn diversi persuni li jgħinu lil xi ħadd mingħajr qatt ma jistennew xi ħaġa lura. Kien għalhekk li Gabriel minn dejjem kellu din il-ħolma għax xtaq li la jikber isir l-eroj ta’ xi ħadd. 

Gabriel rrakkontalna kif minn mindu beda dan il-poġett beda jiltaqa’ ma’ ħafna nies differenti li ma kienx jaf u beda jisma’ stejjer li skontu bdew ituh perspettiva li jħares lejn il-ħajja tiegħu ta’ kuljum minn lenti differenti. 

Enfasizza fuq il-fatt li kieku jista’ ġenwinament jgħin lil kulħadd u li kull wieħed u waħda minnha jista’ jżomm tbissima fuq fommu għax mingħajr ma jaf ikun qed jagħmel il-ġurnata ta’ dak li jkun pożittiva. 

Lejn l-aħħar tal-intervista, Gabriel qalilna li kieku jkollu jwassal messaġġ lis-soċjetà hemm barra, dan ikun; “Int li għaddej minn xiex għaddej qatt taqta’ qalbek għax il-ħajja dejjem toffri s-sabiħ u l-ikrah tagħha”.

Ix-xewqa ta’ dan iż-żagħżugħ mimli enerġija u pożittività hi li bħalma għamel dejjem, jixtieq li jkompli jgħin iktar nies għax jixtieq li jagħmel differenza fis-soċjetà li qed ngħixu fiha bħalissa. 

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport