Il-gwerra tal-Iran mhux se jkollha tmiem ta’ malajr. L-inċertezzi li ġabet magħha se jibqgħu għal żmien li diffiċli tbassar minn issa kemm sa jdum tabilħaqq. L-aspetti u l-konsegwenzi militari tal-kunflitt jistgħu jġibu ħsara sostanzjali lill-pajjiżi ta’ madwar, inkluż tagħna, li huma ċari.
Anqas ċar hu l-impatt tagħhom fuq it-tmexxija ekonomika. Fil-każ tagħna, dan se jkopri kemm l-andament ekonomiku intern, u kemm il-mod kif naqilgħu l-għajxien permezz tal-esportazzjoni ta’ prodotti u servizzi, fuq quddiem nett it-turiżmu. It-tensjonijiet tal-gwerra qed ikabbru l-biża’ ta’ skarsezzi. Dan qed iwassal għal żieda fl-ispiża tal-għajxien tal-familji Ewropej. Se jibqgħu daqshekk interessati filli jivvjaġġaw das-sajf? U sadattant, se jiżdiedu jew le – u b’kemm – l-ispejjeż tal-vjaġġi, la l-pitrolju tal-ajruplani se jkun skars u/jew aktar għoli?
L-inċertezzi li toħloq gwerra ma humiex biss ikkawżati min-nuqqas ta’ sigurtà imma jirriżultaw ukoll mill-bidliet ekonomiċi li gwerra ġġib magħha. Għal pajjiż bħal tagħna li jiddependi daqstant mit-turiżmu, il-ħtieġa se tkun li nkomplu nilqgħu tajjeb għall-problemi li se jinqalgħu.
AKTAR DWAR L-INKWIET EWROPEW
Ġimgħa wara l-oħra donnu qed jikber is-sens li fl-Ewropa l-inċertezzi politiċi u ekonomiċi qed jikbru, u mhux biss fl-Unjoni Ewropea. Għal dan, ma jaħtux biss il-gwerer tal-Ukrajna u tal-Iran, l-inkwiet mal-Istati Uniti dwar l-Alleanza Atlantika, l-għoli tal-prezzijiet li dejjem itektek, ir-rati ta’ tkabbir ekonomiku li baqgħu staġnati – żviluppi li kollha marbuta ma’ xulxin fl-aħħar mill-aħħar.
Aktar qisu li l-mudell ta’ tmexxija Ewropea – kemm meta u kif tmexxa mis-soċjalisti demokratiċi u meta kien f’idejn id-demokristjani/konservattivi – qisu tilef id-dinamiżmu tiegħu u mhux kapaċi li jaffaċċja d-dilemmi u l-kuntradizzjonijiet lampanti li nqalgħu.
Bħal dik dwar l-immigrazzjoni. Għax minn naħa, din qed tqanqal movimenti politiċi u kbar ġodda estremisti. U mill-oħra, bil-popolazzjoni dejjem tiċkien, l-Ewropa teħtieġ l-immigrazzjoni biex tkampa, anke soċjalment.
REPUTAZZJONI
Rapport ġurnalistiku fin-New York Times irrapporta dan l-aħħar dwar kif ditti kbar Amerikani qed jevitaw li jħallsu t-taxxi billi jirreġistraw il-profitti tagħhom f’pajjiżi li jippermettulhom jiddikjaraw li ma baqagħhomx aktar taxxi xi jħallsu. Fuq quddiem nett ta’ dawn il-pajjiżi, n-NYT semmiet lil Malta.
Fl-aħħar sena, l-amministrazzjoni Trump ħarġet lill-Istati Uniti mill-ħidma li kienet qed tittella internazzjonalmet biex jimblokkaw l-operat ta’ pajjiżi mitqiesa bħala “ġenna tat-taxxi”. Dan reġa’ fetaħ il-bibien minn fejn il-kumpaniji jgħaddu l-profitti biex jevitaw it-taxxi fuqhom.
Matul is-snin, Malta wkoll akkwistat ir-reputazzjoni li hi “ġenna tat-taxxi”. Diffiċli tgħid li għamlitilna l-ġid għalkemm fl-istess żmien, l-hekk imsejħa servizzi finanzjarji tagħna baqgħu ikkonfermati bħala pilastru ewlieni tal-ekonomija Maltija.


