Monday, June 8, 2026

“Qatt ma rat wiċċu… dejjem rat il-parti privata tiegħu”

- il-Prosekuzzjoni

Aqra wkoll

Mixli li uża profili foloz biex jattira persuni għal skopijiet sesswali

“Qatt ma rat wiċċu… dejjem rat il-parti privat tiegħu.” Hekk stqarret l-Ispettur Dorianne Tabone quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech meta fil-Qorti ta’ Għawdex tressaq Gian-Luke Gambin ta’ 26 sena, missier ta’ ħamest itfal, mixli li mis-sena 2020, qassam, ipproduċa u anke ġiegħel persuni taħt l-età jwettqu atti sesswali quddiemu.

L-Ispettur Tabone qalet li dan kien il-kliem li qaltilha waħda mill-vittmi ta’ 12-il sena wara li daħal rapport fl-għassa tar-Rabat Għawdex li allegatament kien qiegħed isir abbuż minn “Chris Debrincat”. Il-vittmi għandhom bejn l-10 u t-23 sena.

Il-Prosekuzzjoni spjegat quddiem il-Qorti li dan il-każ allegatament ilu għaddej mis-sena 2020 u s’issa resqu ’l quddiem disa’ vittmi li ħafna minnhom huma taħt l-età. Hu kien jgħidilhom li għandu 17-il sena. 

Spjegat li każ minnhom kien dwar tifla ta’ 12-il sena li l-imputat kien għamel kuntatt magħha permezz ta’ Snapchat. Qalet li meta bdew jikkomunikaw saru ħbieb u minn hemm beda jgħidilha biex turih il-partijiet privati tagħha u aktar minn hekk tagħmel atti sesswali quddiemu.

Il-Prosekuzzjoni spjegat ukoll li meta oħtha ta’ għaxar snin indunat b’dak li kien għaddejt għamlet kunatt ma’ “Chris Debrincat” biex tgħidlu ma jkomplix jagħmel hekk lil oħtu. 

Allegatament l-imputat kien qalilha li jew se tagħmel bħal oħtha jew inkellha kien se jxerred il-filmati kollha li għandu ma’ ħafna persuni. Bit-tama li ma jwettaqx dan kollu kienet offrietlu li tagħtih 50 ewro u l-imputat aċċetta. Kien hawn fejn it-tfal għamlu rapport mal-Pulizija dwar dak li kien għaddej. 

Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll li kien diffiċli ħafna biex jinstab min kien il-moħħ wara “Chris Debrincat” u għalhekk l-investigazzjoni damet għaddejja għal diversi ġimgħat. Minn fuq l-imputat instabu għaxar mobiles u anke xi mobile minn fuq martu.

Il-Prosekuzzjoni qalet li kien hemm diversi profil foloz u kollha taħt l-isem ta’ “Chris Debrincat”. Il-persuna li kien jidher fir-ritratt kien dejjem jagħmel rapport mal-midja soċjali biex dawn jagħlqu l-profil kif fil-fatt kien isir. Iżda b’mod immedjat Gambin kien jiftaħ ieħor mill-ewwel.

Meta l-Qorti staqsiet lill-imputat xi jwieġeb għall-akkużi, huwa wieġeb mhux ħati bid-Difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża qalet li l-provi kollha huma f’idejn il-pulizija u ma hemm xejn xi jżomm milli li l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest. Qal li llum hemm il-mezzi biex wieħed ikun ċert li l-imputat ma jersaqx lejn il-vittmi u dan anke permezz ta’ tagging.

Id-Difiża mmexxija mill-Avukat Mario Mifsud qal li dan hu każ fejn l-imputat għandu kondotta nadifa, għandu xogħol stabbli u anke għandu familja. Intqal li d-Difiża ma kinitx qiegħda toġġezzjona li jkun hemm ordni ta’ trażżin favur il-vittmi, u jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, l-imputat huwa lest li joħroġ mid-dar biss kemm imur għax-xogħol. 

Id-difiża qalet meta wieħed jara l-akkużi li jammontaw għal 18-il paġna wieħed jinduna mill-ewwel li għalkemm l-imputat għadu innoċenti, jidher ċar li għandu bżonn l-għajnuna.

Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni qalet li l-investigazzjoni dwar dan il-każ għadhom għaddejjin. Qalet li mhux il-vittmi kollha ġew mitkellma mill-Pulizija filwaqt li saħqet li dan il-każ hu wieħed li fih intużat it-teknoloġija u l-imputat s’issa jidher li qatt ma ltaqa’ mal-vittmi.

Għalhekk qalet il-Prosekuzzjoni “jekk l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest hu ħafna faċli li jmur jixtri mobile, jagħmel profil falz fuq il-midja soċjali u jerġa’ jkellem aktar tfajliet.” Qalet li f’każijiet oħrajn l-imputat qatt ma nagħata l-ħelsien mill-arrest.

Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li jekk mhux se jkun qiegħed jingħata l-ħelsien mill-arrest allura għandu jkun hemm divjett fuq ismu għax “Għawdex hu żgħir u kulħadd jaf lil xulxin” apparti l-fatt li dan għandu t-tfal ukoll li huma minuri.

Iżda għal dan l-argument, il-Prosekuzzjoni kkwotat diversi verbali tal-Qorti fejn qalet li f’ċirkostanzi oħrajn qatt ma kien hemm divjett fuq l-isem tal-imputat. Enfasizzat li l-isem “Chris Debrincat” għandu jingħata prominenza biex f’każ li hemm aktar persuni li tkellmu ma’ dan il-profil jersqu ‘l quddiem u jitkellmu mal-pulizija.

Wara li sema’ liż-żewġ naħat, il-Maġistrat Jean Paul Grech qal li f’dan iċ-ċirkostanzi ma jarax għaliex għandu jinħareġ divjett fuq isem l-imputat. Għalhekk ċaħad it-talba tad-difiża, iżda ordna divjett fuq l-ismijiet tal-vittmi u fuq ritratt jew filmati tal-imputat.

Meta ġie biex iqis it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Grech qal li kien qiegħed jiċħad din it-talba u ordna li l-imputat jibqa’ jinżamm arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Qorti ordnat biex l-imputat jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa filwaqt li d-Direttur tal-Ħabs jista’ jżomm lill-imputat arrestat fis-sezzjoni tal-forensika fl-Isptar Monte Carmeli.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Miriayah Borg u Tilden Tabone f’isem l-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Dorianne Tabone, Ryan Vella u Keith Xerri.

Id-Difiża tmexxiet mill-Avukat Mario Mifsud.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport