Monday, June 8, 2026

‘Għalkemm inħossni kburi li ġejt maħtur bħala l-kowċ ta’ Rabat Ajax, nifhem ir-responsabbiltá li din il-kariga ġġib magħha’ – Shawn Meilak

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

B’differenza ta’ xi wħud jien ma kelli lil ħadd fil-familja li kien involut fil futbol pero ta’ tifel li kont bdejt nagħti l-ewwel daqqiet fil-MUSEUM tan-Nadur fejn kien hemm u għad hemm grawnd illum b’art sintetika u apparti l-lezzjoni ta’ tagħlim konna nqattgħu ħafna ħin nilagħbu l-futbol.

Malli gradwajt bħala fiżjoterapista u għaliex ma kontx għadni nilgħab futbol kompetittiv mil-ewwel bdejt ninvolvi ruħi ma timijiet lokali fi rwoli differenti u illum il-ġurnata għadni attiv bħala kowċ.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek bħala kowċ ta’ Rabat Ajax FC?

Wara l-esperjenzi mal-youths kemm ma’ Sirens kif ukoll fil-Kampjonat Għawdxi ma’ Nadur Youngsters ma stajtx ma naċċettax li nkun parti mill-proġett il-ġdid ta’ Rabat Ajax li l-għan prinċipali tiegħu se jkun mibni fuq element żagħzugħ u jinvesti fuq plejers prodotti tan-nursery.

Dan apparti li Rabat Ajax huwa klabb bi storja u għalkemm inħossni kburi li ġejt maħtur bħala l-kowċ ta’ dan it-tim nifhem ir-responsabbiltá li din il-kariga ġġib magħha b’numru kbir ta’ partitarji u voluntiera li jaħdmu qatigħ li jixtiequ jaraw it-tim tar-Rabat f’diviżjonijiet aħjar.

Iddeskrivi l-esperjenzi preċedenti tiegħek fil-kowċing qabel ħadt dan ir-rwol, u kemm tgħallimt minnhom.

Fil-passat dħalt għal diversi sfidi bħal meta mort mat-tim tan-nisa ta’ Birkirkara u rbaħt il-Kampjonat u n-Knock-out bla telfa u bdejtilhom it-triq tar-rebħ ta’ kampjonati konsekuttivi. Għamilt ukoll sentejn ma’ Mgarr United U17 f’Section B u salvajna fiż-żewġ staġuni, kif ukoll ma’ Sirens Minors fejn salvajna f’Section B matul l-istaġun li għadda b’tim limitat u bla plejer barrani. Għandi wkoll Liċenzja UEFA A u ta’ Physical Trainer mill-MFA.

Kull esperjenza fil-ħajja u mhux b’anqas fil-futbol titgħallem minnha.  Bħala persuna ma niddejjaqx nidħol għal sfida meta nkun naf li ser nagħti l-impenn massimu tiegħi.  Bħala esperjenzi fil-futbol bħal kull kowċ ieħor doqt ir-rebħ  kif ukoll doqt perjodi fejn ir-riżultati mixtieqa damu jew saħansitra ma waslux.  Fil-futbol qatt ma taf biżżejjed u kemm jekk b’diskussjoni ma sħabek fil-futbol kif ukoll b’tagħlim u żvilupp professjonali kontinwu tista biss iżżomm ruħek aġġornat fuq il-logħba.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Fir-rigward tal-futbol Malti rajna rizultati posittivi minn naħa tal-futbol feminili li personalment naħseb li hu attribwit għall-fatt li n-numru ta’ plejers nisa Maltin li kellhom il-kuraġġ u jmorru jilgħabu barra kiber. Fir-rigward tal-futbol maskili il-ftit progress li jirnexxielna nagħmlu aħna bħala pajjiz żgħir dejjem jiġi oskurat mil-passi ġganti li jagħmlu pajjiżi fuq il-karta tamparna. Plejers Maltin f-etajiet ta’ bejn 16 u 19-il sena iridu jiġu mħeġġa u mgħejjuna joħorgu mill-‘comfort zone’ u jmorru barra minn xtutna fejn il-livell hu wisq għola u hekk biss jistgħu jagħmlu dik il-qabża fil-livell tagħhom .

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Waħda mil-affarijiet li nara qabel ningħaqad ma’ klabb hi proprju l-grawnd fejn jista’ jsir it-taħriġ. Mhux kull klabb għandu l-faċilitajiet tiegħu u peressli aħna pajjiz żghir irridu nduru ma l-ispazji li għandna għad-disposizzjoni tagħna. Sar progress kbir fejn jidħol tibdil ta pitches artifiċjali etc pero għadek issib grawnds fejn tmur għal-logħob u faċilitajiet bażiċi bħal dressing rooms ma jkunux ta’ livell mixtieq.

Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?

Ma tantx nieħu pjacir nagħmel pjanijiet fit-tul fil-futbol imma nippreferi li nħares għal kull sfida ġdida li jkolli quddiemi b’impenn sħiħ.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Imxi fuq il-ħolm tiegħek relatat mal-futbol b’ċerta dixxiplina u mhux biss bix-xewqa. Stinka anke meta tħossok qed taqta qalbek, isma aktar mill titkellem u qatt tieqaf titgħallem. Bħala player it-talent jiftaħlek ħafna bibien pero l-umilta’, konsistenza u x-xogħol iebes huma dawk li jżommuk fil-logħba. Fl-aħħar u mhux l-inqas, ibqa’ aħdem anke jekk ħadd mhu japprezza jew jarak, għax il-mument tiegħek xi darba jew oħra jasal!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport