Wednesday, July 24, 2024

L-MPE Laburista Alex Agius Saliba jingħata l-unur ta’ ‘Rising Star of EU Politics’ fl-għoti tal-unuri lill-MPEs għas-sena 2024

Aqra wkoll

L-MPE Alex Agius Saliba irċieva l-unur ta’ ‘Rising Star of EU Politics’ fiċ-ċerimonja annwali mtellgħa minn the Parliament Magazine, rivista nfluwenti fil-politika Ewropea.  Kull sena, The Parliament Magazine jiċċelebra x-xogħol siewi mwettaq mill-Membri tal-Parlament Ewropew u jagħti unuri li jirrikonoxxu l-kisbiet tagħhom.  L-MPE Laburista kien l-uniku MPE Malti li ingħata unur f’din il-leġislatura. 

L-MPE Alex Agius Saliba rebaħ l-unur ta’ ‘Rising Star of EU Politics’, kategorija ġdida mnedija fl-okkażjoni tal-għoxrin anniversarju tal-unuri.  Din il-kategorija tidentifika MPEs li wettaqu xogħol importanti u wrew dedikazzjoni kbira matul l-ewwel leġislatura tagħhom.

Dawn l-MPEs ġew definiti bħala ‘rising stars’ minħabba r-rwol influwenti li aktarx se jkollhom fil-Parlament il-ġdid li se jiġi ffurmat wara l-elezzjoni f’Ġunju li ġej.  Wara ċ-ċerimonja, Agius Saliba kkummenta “Dan l-unur ikompli jimlini b’emerġija u determinazzjoni sabiex inkompli naħdem biex intejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-kundizzjonijiet tax-xogħol taċ-ċittadini Ewropej, u speċjalment tal-Maltin u l-Għawdxin.”

Dan l-unur isegwi bosta unuri u nominazzjonijiet oħraj.  Fl-istess ċerimonja, Agius Saliba kien innominat ukoll għall-unur ‘Youth Champion of the Mandate’, u huwa l-uniku MPE Malti nnominat fl-edizzjonijiet kollha f’din il-leġislatura. 

Huwa kien ġie nnominat għall-unuri fil-kategoriji tal-Internal Market and Consumer Protection (2020), Health and Wellbeing Award (2022), u Digital Strategy and the Single Market Award (2023).   Riċentament ġie vvutat is-seba’ l-iżjed MPE żgħażugħ influwenti mill-pjattaforma ta’ riċerka eumatrix.eu

Alex Agius Saliba, li se jerġa jkun kandidat f’isem il-Partit Laburista fl-elezzjoni f’Ġunju li ġej, huwa magħruf għal sensiela ta’ miżuri li daħħal fil-Parlament Ewropew matul l-ewwel leġislatura tiegħu. 

Il-kampanja tiegħu sabiex jiġi mdaħħal ċarger wieħed komuni għall-istrumenti diġitali żgħar ingħatat prominenza kbira, mhux l-inqas għaliex Agius Saliba kiseb dan is-suċċess minkejja l-oppożizzjoni ta’ kumpaniji kbar fis-settur, speċjalment Apple. 

Kampanji oħra kienu xhieda tal-impenn ta’ Agius Saliba lejn il-ġustizzja soċjali.  Dawn jinkludu l-leġislazzjoni li tiżgura li l-ħaddiema jkunu jistgħu jistrieħu b’mod adegwat u mingħajr xkiel wara l-ħin tax-xogħol, hekk imsejħa “Right to Disconnect” u inizjattivi oħra sabiex tiġi mtejba l-qagħda ta’ persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu, dawk li jbatu mill-fibromyalgia u mard rari, u kampanja sabiex titjib il-provvista tal-mediċini.  Huwa ħadem ukoll sabiex jitjiebu d-drittijiet tal-konsumatur u l-protezzjoni tat-tfal waqt li jkunu qed jixtarru fuq l-internet.

Ekonomija

Sport