Saturday, December 21, 2024

L-EWA u l-FSWS jikkollaboraw għad-distribuzzjoni tal-kits “L-Ilma – Ibda Minnek” li jippromwovu għajxien sostenibbli

Aqra wkoll

L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) flimkien mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) ħabbru kollaborazzjoni bejniethom sabiex jitqassam tagħmir biex jiġi ffrankat l-ilma bħala parti mill-kampanja “L-Ilma – Ibda Minnek”. L-għan ta’ din l-inizjattiva hu li jkomplu jiġu promossi prattiċi ta’ għajxien sostenibbli madwar Malta u Għawdex.

It-tagħmir tal-kampanja “L-Ilma – Ibda Minnek” se jitqassam f’diversi postijiet sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-komunitajiet, b’mod partikolari lill-persuni vulnerabbli fis-soċjetà. Il-persuni eliġibbli għal dawn il-kits diġà ġew mgħarrfa permezz ta’ ittra, li jippermettilhom li jiġbru dan it-tagħmir.

Dan it-tagħmir huwa għodda utli biex tkompli titkabbar il-kuxjenza dwar il-konservazzjoni tal-ilma u fl-istess waqt, jiffrankaw il-flus lill-familji. Il-familji li se jkunu parti minn din id-distribuzzjoni se jingħataw ukoll informazzjoni u istruzzjonijiet dwar kif jagħmlu l-aħjar użu minn dan it-tagħmir. It-tqassim ser isir bejn April u Mejju, fejn se jitqassmu ’l fuq minn 11,000 water gift pack u 12,000 water kit, f’28 punt ta’ distribuzzjoni.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet li, “Din il-kollaborazzjoni tfisser pass sinifikanti ’l quddiem fl-impenn tagħna għas-sostenibbiltà għal kulħadd. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni ser nkunu qed inqassmu kits prattiċi tal-“ILMA  – Ibda Minnek”. Din hija azzjoni tanġibbli favur futur iktar sostenibbli u se tgħin lil dawn il-familji biex ikunu aktar effiċjenti fil-konsum tal-ilma tagħhom, jiffrankaw il-flus u jaħlu inqas ilma.”

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fakkar illi Malta qed toffri l-anqas prezzijiet tal-enerġija fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u kif dan qed ikun rifless f’aktar flus fil-bwiet tan-nies u inċentiv speċjalment għal min jiflaħ l-inqas. “Din tal-lum mhijiex miżura iżolata, hemm numru ta’ miżuri oħra, bħaż-żieda addizzjonali fil-COLA, iż-żieda fil-minimum wage, pensjonijiet imsaħħa sena wara oħra, mingħajr ebda taxxa addizzjonali. Dan il-Gvern jifhem ir-realtajiet tan-nies u għalhekk ser ikompli jkun t’għajnuna u soljev,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.

Michael Schembri, Chief Policy Officer tal-Ilma fi ħdan l-EWA saħaq fuq l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet bħal dawn bejn entitajiet diversi li jwasslu sabiex finalment igawdu kemm il-pubbliku kif ukoll il-pajjiż mill-aspetti ambjentali u finanzjarji.

Fil-konservazzjoni tal-ilma, kif sostnut permezz ta’ din l-inizjattiva, m’għandhiex tiġi kompromessa l-kwalità tal-ħajja, imma li jsir sforz li r-riżorsi jiġu użati b’mod għaqli waqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Hija għalhekk importanti li kulħadd ikun konxju dwar prattiċi ta’ konservazzjoni tal-ilma u jikkontribwixxi b’mod attiv favur il-ħarsien tar-riżorsa tal-ilma.

Il-kollaborazzjoni bejn l-EWA u l-FSWS, turi biċ-ċar l-impenn lejn prattiċi ta’ għajxien sostenibbli, waqt li jiġu indirizzati l-bżonnijiet soċjali. Permezz ta’ inizjattivi bħall-kampanja “L-Ilma – Ibda Minnek”, nistgħu b’mod kollettiv nimmiraw li jkollna soċjetà iktar reżiljenti u konxja ambjentalment, biex jiġi assigurat futur sabiħ għal kulħadd.

Ekonomija

Sport