Thursday, October 17, 2024

L-Ewropa invażata bil-Coronavirus

Aqra wkoll

It-tieni mewġa tal-pandemija globali bdiet fil-kontinent tagħna

Minn Carmen Cachia

Hekk kif tgħallimna l-istorja, kull pandemija tolqot aktar minn darba u l-Covid-19 mhux se jkun eċċezzjoni. Bħalma ġara bl-Influwenza Spanjola mitt sena ilu, il-Coronavirus jidher li issa dieħel fit-tieni mewġa tiegħu. Mitt sena wara, wieħed jittama li dak li huwa mnaqqax bħala twissija dwar il-perikli akbar mit-tieni mewġ ta’ pandemiji, il-popli joqogħdu attenti ħafna biex ma jisfgħux vittmi u li l-awtoritajiet jieħdu ħsieb biex jevitaw katastrofi fil-pajjiżi rispettivi tagħhom. 

Dan il-virus li oriġina miċ-Ċina u qiegħed iħalli ħerba fejn kull imiss, diġà infetta kważi 20 miljun persuna u n-numru tal-mejta qabeż sew is-700,000 persuna.

Issa l-Ewropa għal darb’oħra, tinsab fi stat allarmanti wara li pajjiżi membri fosthom Spanja, il-Greċja, il-Ġermanja u Franza, sofrew żieda qawwija ta’ infezzjonijiet ġodda tant li qiegħdin jerġgħu jkollhom jimponu miżuri stretti biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni. Fost dawn il-miżuri li qegħdin jerġgħu jidħlu fis-seħħ, hemm min reġa’ ordna l-lockdowns.

It-tieni mewġa, li ħafna ttamaw li se nevitaw, bdiet fl-Ewropa bi Spanja lura f’lockdown, il-Greċja mħassba biż-żieda kbira tal-virus, il-Ġermanja b’ħafna każi attivi u Franza tinsab f’periklu li “f’kull mument titlef il-kontroll tas-sitwazzjoni”.

Franza f’xifer l-irdum… pajjiżi fi stat ta’ allarm

Il-kap tal-unjin tat-tobba Ġermaniżi qal li pajjiżu diġà jinsab bieb u għatba tat-tieni mewġa minħabba li n-nies ma rrispettawx id-distanza soċjali, mentri Franza qiegħda f’tarf ix-xifer fejn minn mument għall-ieħor tista’ titlef il-kontroll tas-sitwazzjoni.

Żewġt ibliet fi Spanja kellhom jerġgħu jintroduċu lockdowns stretti u l-Ġreċja rreġistrat 121 każijiet ġodda t-Tlieta li għada, l-akbar qabża f’dawn l-aħħar tliet xhur. Dan l-ammont kien l-għola wieħed li kellhom mit-22 ta’ April li għadda. L-Italja, min-naħa l-oħra, kellha tpoġġi fi kwarantina żewġ vapuri tat-turisti fil-port ta’ Civitavecchia f’Ruma.

Kumitat għoli xjentifiku fi Franza wissa li l-virus jista’ minn ħin għall-ieħor jaqleb is-sitwazzjoni “ikkontrollata” għal waħda totalment opposta tant li jinsabu fuq ix-xwiek għal dak li jibżgħu li se jkollhom jiffaċċjaw fil-ġranet, jew ġimgħat li ġejjin.

Il-Prim Ministru Grieg, Kyriakos Mitsotakis, għamel appell lill-poplu tiegħu biex iżomm id-distanza soċjali u dan minħabba li kellhom rekord ta’ infezzjonijiet f’daqqa waħda. Il-pajjiż ġar li fil-bidu tal-pandemija kellu diżastru umanitarju minħabba l-Coronavirus, jiġifieri l-Italja, f’dan il-mument jidher li kkontrolla s-sitwazzjoni iżda kellu jżomm żewġ cruise liners fi kwarantina wara li għadd ta’ passiġġieri rriżultaw pożittivi għall-virus li oriġina miċ-Ċina.

Covid-19 qiegħed jolqot fi Spanja, il-Belġju, il-Fillandja, il-Greċja, Franza, l-Irlanda, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Renju Unit, il-Lussemburgu u l-Ewropa inġenerali. Fil-fatt statistika Ewropea turi li r-rata li biha żdiedu l-infezzjonijiet f’dan il-kontinent mill-bidu ta’ Lulju sal-bidu ta’ Awissu, ittripplat. L-istess ammont preżenti mqabbel ma’ dawk li kellna f’April, jiġifieri fl-inqas perjodu ta’ każijiet, il-Covid-19 issa żdied b’erba’ darbiet iżjed.

Inkwiet għal kulħadd…

Din is-sitwazzjoni sfortunatament qiegħda tiddistabilizza aktar lill-pajjiżi milquta fejn it-turiżmu huwa fost l-aktar li qiegħed imur lura. It-toroq u l-postijiet ta’ attrazzjoni, bħall-Eiffel Tower f’Pariġi, huma kkaratterizzati bi ftit persuni lebsin il-maskra. Għadd ta’ ċittadini qegħdin jagħżlu li jagħmlu t-test tal-Covid-19 minn jeddhom bil-għan li l-gvern ikollu stampa aktar ċara tal-każijiet preżenti.

Dak li qiegħed jiġri bħalissa qiegħed ikompli jżid il-piż fuq il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa pubblika li barra li huma b’ilsienhom barra bix-xogħol li għandhom, żdiedilhom ir-riskju għalihom stess u anke għall-familji tagħhom. Dawn il-ħaddiema ilhom xhur sħaħ għaddejjin bla heda bl-għarfiern li jistgħu jinfettaw lilhom infushom minħabba l-linja professjonali li għażlu.

Il-Fillandja terġa’ tikkonsidra t-teleworking

Il-Fillandja fil-bidu ta’ din il-ġimgħa qalet li għandha pjanijiet biex terġa’ tintroduċi t-teleworking fil-ġranet li huwa possibbli wara li din is-sistema twaqqfet meta naqsu l-każijiet ta’ Covid-19. Mill-1 ta’ Awwissu l-infezzjonijiet f’dan il-pajjiż żdiedu aktar minn 300% f’perjodu qasir ta’ ġimgħtejn biss.

L-awtoritajiet tas-saħħa Finlandiżi rrapportaw 29 każ ġdid fil-jum tat-Tlieta li għadda. Dan wassal biex it-total ta’ sebatijiet ijiem tela’ għal 98 persuna bil-Covid-19, mentri fis-sebat ijiem preċendenti kellhom biss 52 każ. 

“Iż-żieda tal-infezzjonijiet turi li jkun tajjeb li nerġgħu nintroduċu t-teleworking u dan għandu jsir f’kull linja professjonali fejn huwa possibbli,” kitbet fuq Twitter il-Ministru tal-Affarijiet Soċjali u Saħħa, Aino-Kaisa Pekonen. Hija żiedet tgħid li l-gwidi uffiċjali għandhom ikunu aġġornati skont il-bżonnijiet preżenti.

Ir-rakkomandazzjoni favur it-teleworking f’dan il-pajjiż twaqqfet fl-aħħar tax-xahar li għadda. L-infezzjonijiet ġodda baqgħu baxxi tul Ġunju u Lulju u permezz ta’ dan, il-Fillandiżi gawdew ftit l-istaġun tas-sajf b’manjiera pjuttost sigura. Il-problema kienet li dan wassal biex xi persuni ma rrispettawx id-distanza soċjali. 

Il-pandemija tal-Covid-19 fil-Fillandja, li kellha 7,512-il każ u 331 imwiet, kienet fl-agħar tagħha f’Marzu u April. Is-sitwazzjoni kienet ikkontrollata grazzi għall-miżuri f’waqthom li ħadu l-mexxejja lokali inklużi restrizzjonijiet fl-ivjaġġar, l-għeluq tal-iskejjel u r-ristoranti.

Sport