Sunday, May 19, 2024

Malta toffri li tospita l-EuroPride 2023

Aqra wkoll

Malta offriet biex tkun il-pajjiż ospitanti għall-EuroPride fl-2023.

Malta, Rotterdam kif ukoll Belfast jinsabu fl-aħħar fażijiet tal-proċess biex jospitaw l-edizzjoni 2023 ta’ EuroPride, l-akbar avveniment LGBTIQ+ Ewropew, li kull sena jiġbed lejh diversi viżitaturi minn madwar id-dinja kollha.

L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Organizzaturi tal-Pride – li għandha liċenzji tal-EuroPride – ippubblikat l-offerti minn Belfast Pride (l-Irlanda), Malta Pride (Malta) u Rotterdam Pride (l-Olanda).

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar qalet li matul l-aħħar ħmistax-il sena, grazzi għall-isforzi tas-soċjetà ċivili u l-appoġġ mill-gvern u mis-settur privat, il-Pride Marchannwali trasforma minn laqgħa żgħira għal waħda mill-akbar avvenimenti LGBTIQ+ iċċelebrati f’Malta.

Ikkonkludiet li l-Gvern Malti jappoġġa bi sħiħ dan l-avveniment ta’ livell għoli li jattira lejh eluf ta’ turisti minn madwar id-dinja, hekk kif kien proprju l-istess gvern li ħadem qatigħ matul dawn is-seba’ snin u daħħal fis-seħħ drittijiet biex tassew kulħadd ikun ugwali.

Clayton Mercieca, Community Manager għal Allied Rainbow Communities (ARC) qal li, “Il-komunità Maltija LGBTIQ+ hija kburija li tagħmel parti mill-moviment LGBTIQ+ Ewropew, iżda ssib ruħha wkoll fil-qalba tar-reġjuni tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta’ Fuq fejn l-ugwaljanza għadha ’l bogħod”.

Bil-klassifika ta’ Malta fil-quċċata tal-indiċi ILGA Europe, huwa dmir tagħna li nibqgħu għaddejjin bil-ħidma sabiex niksbu ugwaljanza sħiħa kemm f’Malta kif ukoll fil-komunitajiet ġirien fejn il-fobija fil-konfront tal-persuni LGBTIQ+ u n-nuqqas ta’ drittijiet tal-bniedem għadhom preżenti.

Qal li din l-offerta kienet mira ambizzjuża tal-Allied Rainbow Communities sa mill-bidu tagħha. Ċerti li dan l-avveniment kapaċi jpoġġi lil Malta fuq il-mappa internazzjonali tal-LGBTIQ+, mhux biss fuq l-aspett tal-ugwaljanza u d-drittijiet iżda wkoll jibgħat messaġġ b’saħħtu li pajjiżna hu sigur u post li jilqa’.

Din l-offerta hija r-riżultat ta’ sforzi mill-ARC, MGRM, LGBTI+ Gozo, Drachma u d-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Sport