Wednesday, March 27, 2024

L-EWROPA U BELLA CIAO

Aqra wkoll

Aktar milli rivoluzzjoni, l-Ewropa għandha bżonn evoluzzjoni. Evoluzzjoni tal-mudell ekonomiku tagħha sabiex dan jintuża biex jitħares dejjem aktar il-ġid komuni, tissaħħaħ dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tan-nies billi jiġi prijoritizzat l-ambjent u l-livell ta’ għajxien tagħna u tal-ġenerazzjonijiet li jmiss. 

Aktar minn 70 miljun ruħ segwew l-aħħar episodji ta’ Money Heist matul il-ġimgħa li għaddiet.  

Għal dawk il-ftit li ma jafux fuq xiex qed nitkellem, Money Heist hija serje Spanjola fuq Netflix li tirrakkonta storja dwar grupp ta’ ħallelin li jippruvaw jisirqu l-ħażna kollha tad-deheb mill-bank ċentrali ta’ Spanja wara li jkunu printjaw mal-biljun ewro f’serqa oħra.

Minn barra l-awdaċità ta’ din is-serqa, dak li għamel dan il-plot daqshekk popolari kien il-mod kif l-istorja fiction tnisġet mar-realtajiet soċjali li qed tesperjenza l-ġenerazzjoni tagħna madwar l-Ewropa kollha. 

Il-moħħ wara s-serqa jagħmilha ċara kemm-il darba li l-idea tmur lil hinn mis-serqa nnifisha imma li dan huwa att ta’ resistenza kontra s-‘sistema’. 

Il-ħallelin imlibbsin b’jumpsuits ħomor u moħbijin wara l-maskla ta’ Dali u ‘Bella Ciao’ tintuża tul is-sensiela kollha bħala innu li jgħaqqad lil dan il-grupp ta’ ħallelin internazzjonali wara l-objettiv Robinhoodjan tagħhom.

Fil-fatt huwa minnhu li madwar l-Ewropa – kuntrarju għal dak li jiġri f’pajjiżna – teżisti sens ta’ frustrazzjoni li s-‘sistema’ falliet lil ġenerazzjoni sħiħa ta’ żgħażagħ Ewropej li llum suppost qegħdin jgħixu l-potenzjal massimu tagħhom. Dan jinħass partikolarment mill-ġenerazzjoni hekk imsejħa tal-millenials – magħmulha ġeneralment minn żgħażagħ u anqas żgħażagħ li llum għandhom bejn 27 u 40 sena. F’din l-età tradizzjonalment wieħed jibda jilħaq il-milja tal-professjoni tiegħu jew ikun riesaq b’ċertu rittmu lejn dan il-għan. 

Ġara però li l-kriżi finanzjarja tal-2008 seħħet propju waqt li ħafna f’din il-ġenerazzjoni kienu qegħdin jistudjaw jew iħejju biex jibdew il-karriera tagħhom. Dan wassal sabiex l-aspirazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni sħiħa ġew imfixkla minn rata ta’ qgħad bla preċedent fost iż-żgħażagħ madwar l-Ewropa kollha. Fil-fatt ħafna f’din il-ġenerazzjoni għamlu l-ewwel snin tal-ħajja professjonali tagħhom b’rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ Ewropej ta’ xejn anqas minn 25%. 

Sadanittant ingħataw mat-€3 triljun lil banek Ewropej sabiex dawn jużawhom sabiex jerġgħu jdawwru r-rota ekonomika. Xi ħaġa li fil-verità qatt ma ġrat u l-irkupru ekonomiku li beda jirritorna b’mod naturali fl-Ewropa waqaf ħesrem bil-pandemija. 

Tlettax-il sena wara, il-qgħad fost iż-żgħażagħ Ewropej huwa eżatt fl-istess livell li kien qabel il-kriżi finanzjarja ta’ 13-il sena ilu. Kważi 3 miljun żagħżugħ u żagħżugħa fl-Ewropa llum m’għandhomx xogħol.

Lil hinn mill-ħlewwa taċ-ċinematografija u lura lejn id-dinja reali… 

Is-soluzzjoni għall-Ewropa llum, bħalma fuq kollox dejjem kien il-każ fl-istorja moderna tagħha, ma tinsabx f’xi rivoluzzjoni romantika. Aktar milli rivoluzzjoni, l-Ewropa għandha bżonn evoluzzjoni. Evoluzzjoni tal-mudell ekonomiku tagħha sabiex dan jintuża biex jitħares dejjem aktar il-ġid komuni, tissaħħaħ dejjem aktar il-kwalità tal-ħajja tan-nies billi jiġi prijoritizzat l-ambjent u l-livell ta’ għajxien tagħna u tal-ġenerazzjonijiet li jmiss. 

Dan jista’ jwassal biex titwettaq ġustizzja ma’ ġenerazzjonijiet ta’ miljuni ta’ Ewropej li quddiemhom għandhom futur u li f’idejhom għandhom iċ-ċavetta tat-teknoloġija li verament tista’ iġġib bidla għal futur aħjar. 

Ekonomija

Sport