Wednesday, April 24, 2024

L-ewwel film-opera Malti 

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Fi tmiem il-ġimgħa, “Elvis” ma kienx biss ir-re tar-rock and roll imma anke r-re tal-box offoce Amerikana bi dħul ta’ $31.1 miljun.  “Elvis” sewa $85 miljun biex inħadem.

B’miljun dollaru anqas insibu “Top Gun: Maverick”.  Globalment issa qabeż il-biljun dollaru u b’hekk sar l-ewwel film ta’ Tom Cruise li qabeż din iċ-ċifra.

B’mod ġenerali, tmiem il-ġimgħa ma kienx wieħed ħażin u ħoloq sens ta’ ottimiżmu fost l-industrija.  Fit-tielet post niżel “Jurassic World Dominion” filwaqt li l-film ġdid tal-biża’ “The Black Phone” li fih jidher Ethan Hawke iddebutta fir-raba’ post.  Dawn iż-żewġ films kellhom dħul ta’ aktar minn $20 miljun.  Fil-ħames post niżel il-film animat “Lightyear”.

Elvis

Bl-eċċezzjoni tal-Beatles, Elvis Presley hu simbolu mit fl-istorja tal-mużika popolari.  B’hekk, it-tentazzjoni dejjem kienet hemm li jinħadem film bijografiku dwaru.  Imma produzzjoni bħal din fiha sfida kbira.  Dak kollu dwar Elvis għadu fl-immaġinazzjoni ta’ miljuni ta’ nies.  Għalhekk, in-narrattiva mhix biss trid tipproġetta dan il-mit imma trid tikkompeti magħha.  L-isfida ewlenija hi: x’wieħed jista’ jagħti lill-pubbliku akbar mill-ġrajja vera?

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Baz Luhrman, il-film “Elvis” hu film sabiħ, mimli enerġija u wara 140 minuta tħossok erġajt għext viċin dan il-kantant leġġendarju.  Id-direttur Luhrman jidher li kien ossessjonat li juri t-trasformazzjoni li Elvis ġab fil-qasam mużikali u fil-ħsieb radikali tas-soċjetá.  Min ma għex dik il-ġenerazzjoni forsi ma japprezzax daqstant kemm kienet kbira t-trasformazzjoni.  

Luhrman jaqbad b’mod tajjeb l-influwenza li kellu mill-mużika tal-Afro-Amerikani.  Hemm ukoll il-wirjiet iniżjali ta’ Elvis (Austin Butler) bin-nisa jemozzjonaw irwieħhom u jwerżqu malli jarawh b’kuntrast ma’ dawk li riedu jiċċensurawh għax il-moviment tal-pelviku ta’ Elvis kien meqjus indiċenti u immorali.

Warjah kien il-Manaġer Tom Parker.  Kien bniedem influwenti fil-karriera ta’ Elvis.  F’din il-parti jibbrilla bħas-soltu Tom Hanks.  Fil-bidu tal-film Tom Parker jgħidilna li jħoss sodisfazzjon li hu ‘għamel’ lil Elvis imma seta’ kien hu ukoll responsabbli li ‘qered’ lil Elvis. 

Gwida għal min ser jara “Elvis”: 12A (tfal taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) minħabba xeni ta’ użu ħażin tad-droga, diskriminazzjoni, referenzi għas-sess, lingwaġġ u dettal ta’ korriment. 

Blat: The Island Fortress

Iċ-ċinema Maltija għamlet pass ieħor meta għandna l-ewwel film-opera bil-Malti: “Blat: The Island Fortress”.

In-narrattiva teħodna ftit jiem qabel Mussolini ddikjara gwerra u daħal bħala allejat tal-Ġermanja Nażista.  B’hekk pajjiżna sab ruħu nvolut fit-Tieni Gwerra Dinjija minħabba li konna kolonja tal-Ingliżi.

F’dak iż-żmien, it-tfajla mill-belt Madeleine (Nicola Said) kienet qegħda tinnamra ma’ Marco (Angelo Muscat).  Xejn ma kien hemm ħażin f’din l-imħabba taż-żgħożija ħlief li żviluppat fi żmien ħażin.  Madeleine kienet tfajla ġejja minn familja minn klassi soċjali mhux ħażin bil-missier Charles (Louis Cassar) jaqla’ x’jiekol mill-gvern kolonjali u imperjalist minn ġuf ommu.  Mill-banda l-oħra, Marco kien Faxxist iddikjarat.

Il-missier Charles ma riedx jilħaq ebda kompromess li bintu tkompli b’din ir-relazzjoni ma’ Marco. 

Karattru ieħor importanti hu dak ta’ Kelinu (Charles Vincenti), ħaddiem tat-Tarzna, li simbolikalment jirrappreżenta l-klassi tal-ħaddiema.  Kelinu ikun raġel tajjeb, li kellu għajnejh ukoll mixħuta fuq Madeliene.  It-tfajla Bessy (Astrid Cacciatore), li għaliha l-ambjent ta’ Strada Stretta kien li jagħmlilha ħajjitha aktar eċitanti, twissi lil Kelinu li għal xejn jixxennaq għax id-differenza fil-klassijiet soċjali ta’ Kelinu u Madeleine kienet tagħmilha diffiċli li din l-imħabba tista’ tiżviluppa.  It-tħabbira tad-dħul ta’ Malta fit-Tieni Gwerra Dinjija tikkomplika ferm aktar dan it-triangolu.

Il-librett tal-opera inkiteb minn Ġorġ Peresso u Amy Borg.  Il-kompozitur hu Dr. Reuben Pace.  Id-direzzjoni tal-film hi f’idejn Alan Fenech.

Din produzzjoni għandha xi ħaġa partikolari ta’ min ifaħħarha.  Hu l-prodott ta’ ħidma flimkien tat-tliet skejjel f’Malta u l-waħda f’Għawdex li jagħamlu parti mill-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli immexxi minn kap tal-kulleġġ Victor Galea.  F’din il-din il-produzzjoni taw sehemhom kemm l-istudenti, l-għalliema, l-istaff f’dan il-kulleġġ flimkien ma’ kantanti professjonali.

Gwida għal min ser jara “Blat: The Island Fortress”: PG (hu rakkomandat li tfal żgħar ikunu akkumpanjati mill-ġenituri) minħabba xi referenzi ħfief għal dak li kien jiġri fi Strada Stretta.

Sport