Minn Dr Georgiana Farrugia Bonnici, BSc (Hons) Rad; M.D. Radjografa u Tabiba
X’inhuma s-sintomi li jindikaw li wiehed ikun xeraq, u konsegwentament jista’ jifga?
Wieħed jista’ faċilment jinnota li persuna qed tbati biex tieħu n-nifs, meta jismagħha tisgħol, ma tkunx tista’ titkellem sew, jaf tibda żżomm għonqha biex tipprova taqla l-biċċiet tal-ikel li jkunu weħlu fil-pajp tan-nifs, jew tagħmel movimenti oħra b’idejha biex tipprova tikkomunika li għandha diffikultà biex tieħu n-nifs, u kif ukoll billi tisma’ ċerti ħsejjes ta’ tħarħir jew tisfir ġejjin mill-gerżuma.
Meta persuna tkun ilha ftit minuti b’nuqqas ta’ ossiġnu, dan iwassal biex il-kulur tal-ġilda jibda jkanġi lejn il-lewn blu, u anke li tintilef minn sensiha.
X’għandna nagħmlu biex nagħtu l-ewwel għajnuna lill-persuna li tkun qed tifga fl-ikel?
L-ewwel pass li wieħed għandu jagħmel sabiex jagħti l-ewwel għajnuna lill-vittma li tkun qed tifga fl-ikel, huwa li jbaxxi ras il-vittma ħarira ’l isfel, u jipprova ħames ‘backslaps’, jew aħjar jagħti ħames daqqiet fuq id-dahar tal-vittma, eżattament fin-nofs tal-ġwenħiet. Wara li jkun sar dan, huwa importanti li wiehed jiċċekkja l-ħalq tal-vittma sabiex jara jekk il-biċċiet tal-ikel ikunux viżibbli.
Jekk dan l-attentat ifalli wara ħames darbiet, u l-vittma xorta tkun qed turi sintomi ta’ distress, wieħed għandu jipprova l-‘Heimlich Maneuver’. Din il-manuvra tista’ ssir billi wieħed jippożizzjona ruħu fuq wara tal-vittma, jagħmel idejh f’forma ta’ ponn f’xulxin, u jagħfas ’il fuq u ’l ġewwa, direttament fuq il-qadd, taħt il-kustilji. Din il-manuvra tista’ tiġi ripetuta sakemm il-vittma tistejqer.
Wara li jsiru dawn l-attentati tal-ewwel għajnuna, huwa importanti ferm li l-vittma tiġi riferuta għal aktar assistenza medika.