It-team nazzjonali Malti ta’ Taħt id-19-il sena, f’dan l-istaġun se jieħu sehem fl-Enemed Futsal League 2022/23 li se tkun
l-ewwel parteċipazzjoni tiegħu.
B’kollox se jieħdu sehem 10 timijiet f’dan il-kampjonat tal-ogħla livell bl-introduzzjoni ta’ dan it-team mill-Malta FA bħala parti mill-iżvilupp tiegħu.
Dan it-team jinkludi għażla ta’ players ta’ taħt id-19-il sena li se jkunu qed jipparteċipaw f’din il-kompetizzjoni domestika bi tħejjija għat-team nazzjonali tal-Futsal U/19 fl-iskeda impenjattiva li ġejja.
L-iskwadra hija komposta minn 20 player li ġejjin mis-sistema tal-Youths u mill-grasroots ta’ clubs stabbiliti bħal Sliema Wanderers, Balzan, Pietá Hotspurs, u Floriana fost oħrajn.
Dan it-team ilu li beda l-preparazzjoni tiegħu għal din il-kompetizzjoni domestika u se juża dan l-impenn biex jiffaċċja sfidi internazzjonali fil-futur qrib.
B’kollox it-team kellu seba’ kampijiet ta’ taħriġ biex ikun preparat tajjeb għal din l-iskeda impenjattiva.
Uħud mill-players f’din l-iskwadra ta’ Taħt id-19-il sena kienu mpenjati wkoll fit-taħriġ ma’ dik tal-kbar li kienet qed tipprepara għall-partita ta’ ħbiberija kontra l-Estonja li se tintlagħab nhar il-Ġimgħa li ġej, f’Tallinn.
Din il-preparazzjoni tilħaq il-qofol tagħha fil-parteċipazzjoni tar-Round Preliminari tal-UEFA U/19 kmieni s-sena d-dieħla.
L-istaff tekniku huwa magħmul mill-coach, Carlo Scicluna, l-assistent tiegħu Cedric Sciberras, il-coach tal-goalkeepers Brian Baldacchino u l-kordinatur Hertian Salameh Cachia … taħt is-sorveljanza tal-Kap tal-Futsal fi ħdan l-Assoċjazzjoni, Mark Marlow.
Sadanittant, qabel ma jingħata bidu għall-kampjonat, l-istaġun tal-Futsal jibda bl-Enemed Futsal Super Cup bejn iċ-champions Luxol St Andrew’s u r-rebbieħa tan-Knock-Out, l-Universitá, nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Settembru.