Wednesday, April 24, 2024

L-ewwel qattiel identifikat bis-sistema tad-DNA jinħareġ mill-ħabs… periklu fit-toroq Ingliżi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-“Lost-Kidz App” wissiet li fit-toroq Ingliżi se jkun hemm theddida serja wara li ħarġet l-aħbar li l-qattiel ta’ żewġt ibniet lura fis-snin tmenijiet ingħata l-parole. L-aħbar irrapportata mill-ġurnal “The Guardian” qajmet reazzjonijiet ta’ rabja u diżappunt fis-sistema ġudizzjarja minħabba li l-att kriminali minn Colin Pitchfork huwa “wieħed li ma tistax tinsih” fejn f’perjodu ta’ tliet snin, bla ħniena ħataf, stupra u qatel liż-żewġ studenti ta’ 15-il sena – Lynda Mann u Dawn Ashworth.

Colin Pitchfork kien l-ewwel qattiel fid-dinja li ngħata sentenza ħabs fuq evidenza ta’ DNA. Huwa beda jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs u wara 33 sena priġunerija, il-bord tal-parole ddeċieda li l-kriminal jista’ joħroġ mill-ħabs u jintegra ruħu lura fis-soċjetà.

Huwa kien inqabad tal-atti kriminali tiegħu wara li sar l-ewwel testjar ta’ massa għal traċċi tad-DNA li għalih ġew iċċekkjati 5,000 raġel minn tliet villaġġi differenti. Dawn l-irġiel kienu ntalbu biex b’mod volonatarju jagħtu kampjun minn tagħhom jew tad-demm jew inkella tal-bżieq għall-investigazzjoni biex jinstab il-qattiel tat-tfajliet.

Pitchfork fil-qorti kien iddikjara li huwa ħati għal żewġ offiżi ta’ qtil, żewġ stupri, żewġ attakki indiċenti u ieħor talli xekkel il-kors tal-ġustizzja. Is-sentenza minima tiegħu tnaqqset b’sentejn fl-2009. Għalkemm huwa ġie miċħud żewġ talbiet għal parole fl-2016 u fl-2018, tliet snin ilu Pitchfork kien ġie trasferit f’ċentru ta’ dentenzjoni miftuħ.

“Il-ħelsien huwa immorali, ħazin u ta’ periklu”

Illum il-ġurnata Pitchfork għandu 61 sena iżda l-vittmi tiegħu qatt ma kellhom ix-xorti li jilħqu l-età adulta, ikollhom familja u/jew jgħixu ħajja twila bħalu. F’Leicestershire fl-1983 huwa kien stupra u faga lil Lynda Mann u tliet snin wara, fl-1986 għamel l-istess lil Dawn Ashworth. It-tnejn kienu għadhom studenti.

Il-bord tal-parole ltaqa’ f’Marzu li għadda biex jikkonsidra jekk huwiex rijabilitat biżżejjed biex jinħeles mill-ħabs u dan irriżulta fl-affermattiv. Id-deċiżjoni kienet waħda proviżorja għal 21 jum sakemm il-Ministru tal-Ġustizzja, Robert Buckland, jara jekk japprovax jew inkellha jappella d-deċiżjoni. Il-ħelsien ta’ Pitchfork fil-fatt kien ikkonfermat mil-BBC News f’rapport ippubblikat nhar it-13 ta’ Lulju.

Id-dokument li fih jagħti d-dettalji tad-deċiżjoni tal-bord tal-parole jgħid li, “wara li kkonsidrajna ċ-ċirkostanzi tal-offiżi tiegħu, il-progress li għamel fil-ħabs u l-provi ppreżentati quddiem is-smiegħ, il-panel kien sodisfatt li s-Sur Pitchfork jilħaq il-kriterji għall-ħelsien tiegħu”. 

Wara d-deċiżjoni tal-bord tal-parole, il-membru parlamentari ta’ South Leicestershire, Alberto Costa, kien ikkwotat li qal li kien “imwerwer” bl-aħbar u qal lill-BBC li l-ħelsien ta’ dan il-kriminal kien “immorali, ħażin u ta’ periklu”. Huwa sostna li, “minkejja li għaddew 30 sena, dan m’huwiex dak it-tip ta’ att kriminali li wieħed jista’ jinsa. In-nies jiftakru lill-vittmi u kien hemm fosthom li kienu jattendu l-iskola magħhom. Huwa tal-mistħija li jinħeles dan il-qattiel kiefer ta’ żewġt itfal”.

Messaġġ ħażin għall-qattiela

Barbara Ashworth qalet li d-deċiżjoni li l-qattiel ta’ bintha jinħeles mill-ħabs kienet “diżappuntanti” iżda żiedet tgħid li, “lili ma jistax iweġġgħani aktar”. Hija qalet li diġà ilha 33 sena tbati l-uġigħ ta’ qalb minħabba fih imma “issa li Pitchfork se jkun fost il-pubbliku, din titkellem waħidha”. 

Iz-ziju ta’ Dawn, Philip Musson wissa li, “din il-mossa twassal messaġġ lill-istupraturi tat-tfal u lill-qattiela li jasal mument meta huma jkunu jistgħu jkomplu b’ħajjithom mentri l-vittmi tagħhom kienu mċaħħda milli jgħixu. Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa inaċċettabbli”.

Il-membru parlamentari Costa, li ħadem qatiegħ biex tkun revokata d-deċiżjoni tal-parole, qal li kieku Pitchfork għamel l-istess reat fil-ġurnata tal-lum, kieku kien jispiċċa ħajtu kollha maqful. Filwaqt li ammetta li minn dak iż-żmien ‘il hawn inbidlet l-attitudni lejn min jistupra u/jew joqtol lin-nisa, xorta m’hiex skuża biex il-bord tal-parole jagħmel din id-deċiżjoni u fl-opinjoni tiegħu, bir-raġun in-nies huma rrabjati.

Fi stqarrija l-istess bord qal li “jifhem l-uġigħ u d-dwejjaq” tal-familji tal-vittmi. “Minkejja dan, il-bord tal-parole huma marbuta li jagħmlu assessjar biex jaraw jekk il-priġunier huwiex sigur li jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-leġislazzjoni tgħid li d-deċiżjoni tal-panel għandha tkun iffokata biss fuq x’riskju jista’ jkun hemm meta l-persuna toħroġ mill-ħabs u jekk dan ir-riskju jistax ikun immaniġjat fil-komunità,” kompliet tgħid l-istqarrija.

L-ilmenti m’humiex mill-qraba biss

Din id-deċiżjoni xxokjat lil ħafna nies u fil-fatt fil-post li tellgħet fuq il-Facebook il-“Lost-Kidz App” kien hemm diversi kummenti. Il-maġġoranza kienu dwar id-diżappunt kbir li għandhom fis-sistema ġudizzjarja fejn il-kriminali dejjem jispiċċaw minn fuq.

Ħafna sostnew li kriminal bħal Pitchfork għandu jqatta’ l-bqija ta’ ħajtu fil-ħabs u dan l-ewwel biex iħallas għal dak li għamel liż-żewġ povri bniet u t-tieni biex l-awtoritajiet jassiguraw li predatur perikoluż bħal dan ma jerġax jirrepeti għal darb’oħra l-atti atroċi tiegħu ladarba jkun fuq parole.

Kumment qal li, “mhux se jirnexxielu jintegra b’mod sigur u effiċjenti fis-soċjetà għax għamel ħafna snin magħluq u l-unika ħaġa li jaf huwa li joqtol. Għomor il-ħabs ifisser għomor u hija ħasra li m’għandniex il-forka”. Persuna oħra qablet li jinħareġ mill-ħabs basta jingħata f’idejn il-familji tal-vittmi tiegħu. 

Barra minnhekk, jingħad li l-fatt li se jirrilaxxawh iżda għamlulu ħafna restrizzjonijiet bħala miżuri ta’ sigurtà u prevenzjoni, juri li hemm il-biżgħa li jerġa’ joqtol. Din il-biżgħa li Pitchfork jerġa’ joqtol tinħass fost il-persuni kollha, inklużi l-qraba u residenti tal-post fejn seħħ il-qtil. 

Miżuri u restrizzjonijiet imposti fuq Pitchfork

Is-smiegħ tal-parole kien imxandar b’vidjow nhar it-22 ta’ Marzu fejn instemgħu l-provi mill-uffiċċjali tal-probation, tal-pulizija u tal-psikologa tal-ħabs. Il-bord ħa d-deċiżjoni favur u għamel pjan ta’ riskju għal meta l-kriminal joħroġ mill-ħabs. Fil-fatt Pitchfork ingħata l-parole iżda fl-istess ħin, ingħata kundizzjonijiet stretti ħafna. 

Dawn jinkludu indirizz fiss fejn jgħix, superviżjoni mill-uffiċjali tal-probation, ilbies tal-ittaggjar elettroniku, kull tant żmien jagħmel test apposta biex jaraw huwiex jigdeb (lie detector test) u jrid jagħti l-informazzjoni ta’ x’karozzi jkun qiegħed juża. Pitchfork irid ukoll jgħid lill-awtoritajiet lil min ikellem u għandu restrizzjonijiet ħorox li jillimitawlu l-kuntatt mat-tfal.

Ir-raġel huwa marbut li jkun lura fid-dar f’ċerti ħinijiet, ma jistax juża t-teknoloġija b’mod liberu u għandu limitazzjonijiet fil-postijiet pubbliċi li jista’ jmur fihom. 

Li huwa żgur huwa li Pitchfork, assolutament, la jista’ jmur fl-inħawi ta’ madwar Leicestershire u lanqas f’Leicestershire stess. Barra minnhekk, il-kriminal miżmum milli intenzjonalment jipprova javviċina xi qraba minn tal-vittmi tiegħu.

Sport